Waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, il-Gvern nieda proċess li se jiddefinixxi l-viżjoni ta’ Malta għall-25 sena li ġejjin, bit-titlu ‘Malta Vision 2050’.
Din il-viżjoni se tkun qed tfassal id-direzzjoni strateġika għal pajjiżna għad-diċenji li ġejjin, b’attenzjoni partikolari fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini kollha. Il-viżjoni se tinkludi miri speċifiċi li għandhom jintlaħqu sal-2035, biex b’hekk ikun hemm progress matul is-snin tal-viżjoni.
Dan il-proċess, li għadu kemm ġie approvat mill-Kabinett tal-Ministri, se jkun qed jitħejja bl-għajnuna ta’ esperti rinomati madwar id-dinja f’dan il-qasam, b’esperjenza internazzjonali vasta fil-ħolqien ta’ viżjonijiet nazzjonali.
Il-‘Malta Vision 2050’ se sservi bħala qafas għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali ta’ pajjiżna, li jħares ’il quddiem bi prijoritajiet f’setturi bħall-innovazzjoni diġitali, l-infrastruttura, l-edukazzjoni, is-saħħa, is-sostenibbiltà u d-demografija tal-impjiegi – kollha b’għan wieħed li ntejbu l-kwalità tal-ħajja għall-ġenerazzjoni tal-lum u dawk futuri.
Fil-qalba ta’ din il-viżjoni hemm l-impenn li tinħoloq soċjetà li trendi, sostenibbli u inklussiva, fejn kull ċittadin jista’ jgawdi kwalità ogħla f’ħajtu.
B’reazzjoni għal dan, il-Prim Ministru Robert Abela qal li “l-viżjoni tagħna għal Malta mhix biss fuq il-progress ekonomiku, iżda hi dwar pajjiż ta’ prosperità, fejn il-ġid jinqasam bejn kulħadd u fejn il-benesseri, il-ġustizzja u sostenibbiltà jkunu f’kull ħaġa li nagħmlu. Dan hu l-bidu ta’ proċess kollaborattiv, li se jifforma lil Malta tal-futur għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”
Filwaqt li jirrikonoxxi l-impatt wiesa’ li għandha din l-inizjattiva, il-Kabinett ta s-sorveljanza ta’ dan il-proġett lill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, f’isem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex isegwu n-natura orizzontali tal-viżjoni li ddur fuq setturi varji fis-soċjetà u l-ekonomija.
“Dan hu proċess li jrid isir ma’ kulħadd. Dan mhux proċess ta’ gvern wieħed, ta’ partit wieħed, din trid tkun viżjoni ta’ pajjiż, viżjoni li kulħadd irid jikkontribwixxi, il-poplu, l-investituri, l-istudenti, il-partiti politiċi kollha, kulħadd min jgħix f’Malta u Għawdex u lil hinn biex naraw li l-viżjoni tkun ta’ kulħadd, viżjoni ta’ issa u anke ta’ ġenerazzjoni futura.”
‘Malta Vision 2050’ se tkun qed tindirizza dawn l-isfidi, bil-għan li toħloq nazzjon reżiljenti, kompetittiv u sostenibbli. Il-Gvern għandu l-għan li jtemm il-proċess ta’ definizzjoni ta’ ‘Malta Vision 2050’ sal-ewwel kwart tas-sena d-dieħla, bix-xogħol fuq dan il-proġett sinifikanti diġà beda.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul tenna kif il-fatt li din il-viżjoni l-ewwel ġiet ippreżentata waqt il-Kunsill tal-MCESD, ġiet milqugħa mill-imsieħba soċjali nfushom.
“Sodisfatt bħala l-politiku responsabbli mid-djalogu soċjali li rajt l-imsieħba soċjali sodisfatti għall-pass li għamel il-Gvern, fis-sens li t-tnedija tal-viżjoni ġiet l-ewwel quddiemhom.”