Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea l-Ħamis iddeċidiet kontra Malta f’kawża, li nfetħet mill-Kummissjoni Ewropea fl-2022 dwar nuqqas ta’ provvedimenti fit-trattament tal-ilma tad-drenaġġ skont direttiva, li kellha tiġi implimentata oriġinarjament tliet snin wara s-sħubija ta’ pajjiżna, fl-2007.
Minkejja dan, anke wara li Gvernijiet Nazzjonalisti talbu għal estensjoni ta’ għaxar snin fil-perjodu ta’ transizzjoni, is-sitwazzjoni baqgħet mhux konformi.
Fil-fatt, waqt li l-kwistjoni għaddiet minn gvern għal ieħor, sa tmiem il-perjodu finali fl-2017 kien għad fadal xi jsir skont il-Kummissjoni Ewropea, bil-konsegwenza li spiċċat tirreferi lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu.
Il-kwistjoni tikkonċerna s-sistema nazzjonali tat-trattament tad-drenaġġ, partikolarment fit-Tramuntana tal-pajjiż, u l-mod kif jiġi dispost ħmieġ tal-annimali fis-sistema urbana.
Jirriżulta li s-sentenza tal-Qorti hi bbażata fuq valutazzjoni tal-pożizzjoni ta’ Malta sa Ottubru tal-2017 u ddikjarat li ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni t-tibdil u titjib li segwew wara dik id-data.
Stqarrija konġunta bejn il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u dak għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali qalet li l-Gvern ħa nota tas-sentenza tal-Qorti Ewropea u għaddej b’analiżi komprensiva f’dan ir-rigward.
Il-Ministeri qalu li l-Gvern ilu jindirizza b’mod ħolistiku t-tħassib tal-Kummissjoni Ewropea u għamel investimenti sinifikanti biex titjib il-kapaċità u l-effiċjenza fl-operat tal-impjanti għat-trattament tad-drenaġġ f’Malta u Għawdex.
Minbarra hekk, ħadem b’mod kontinwu biex jissepara d-drenaġġ mill-irziezet mis-sistema urbana tad-drenaġġ u għaddejjin il-pjani għall-ħolqien ta’ faċilitajiet iddedikati għall-ġbir u l-ipproċessar ta’ skart tal-annimali u t-tender mistenni joħroġ dalwaqt.
Fl-istess ħin, il-Gvern laħaq qbil mal-bdiewa biex iġġorru d-demel lejn l-Impjant ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala, b’riżultati pożittivi ħafna.
Tali miżuri juru l-impenji kontinwi tal-Gvern biex jassigura li jkun konformi mal-istandards Ewropej.