L-Erbgħa, Imħallef Thomas Cox ċaħad il-bidliet kontroversjali fir-regoli elettorali tal-istat ta’ Georgia li saru minn bord tal-istat ikkontrollat mir-Repubblikani. Din hija l-aħħar disfatta għall-alleati ta’ Donald Trump li qed ifittxu li jbiddlu kif jingħaddu l-voti f’dan l-istat fil-battalja presidenzjali tal-Istati Uniti tal-5 ta’ Novembru.
Ir-Repubblikani kienu talbu nofs tużżana regoli ġodda li ddiskrivewhom bħala neċessarji għas-sigurtà tal-elezzjoni, li iżda kienu opposti mid-Demokratiċi li qalu li l-iskop tagħhom hija li jfixklu ċ-ċertifikazzjoni tar-riżultat fi stat li jista’ jkun kruċjali fl-għażla tal-president li jmiss.
L-imħallef sostna li r-regoli proposti, inklużi dawk li jienu jagħtu s-setgħa lill-uffiċjali lokali biex jinvestigaw irregolaritajiet u jeżaminaw ħafna dokumenti relatati mal-vot, jikkontradixxu l-liġi tal-istat.
Id-deċiżjoni ta’ Cox hija finali, għalkemm tista’ tiġi appellata. L-imħallef ordna lill-bord elettorali biex ineħħi immedjatament r-regoli l-ġodda mil-listi tiegħu u jinforma lill-uffiċjali elettorali li dawn kienu invalidi.
L-istat tal-Georgia, fejn nhar it-Tlieta l-votazzjoni bikrija fetħet b’numri rekord ta’ votanti, huwa wieħed mis-seba’ stati kkontestati mill-qrib u li mistennija jiddeterminaw ir-rebbieħ tat-tellieqa presidenzjali bejn id-Demokratika Kamala Harris u r-Repubblikan Donald Trump. Wieħed irid ifakkar li l-elezzjonijiet presidenzjali tal-Istati Uniti huma deċiżi permezz ta’ riżultat skont l-istati u mhux b’maġġoranza tal-vot popolari nazzjonali.