Sena wara li daħlet fis-seħħ il-liġi tal-Kunsill Malti għall-Arti, qegħdin jibdew jidhru r-riżultati ta’ dan ir-ristrutturar.
Fil-budget li għadda, il-gvern alloka €52.5 miljun għas-setturi kulturali u kreattivi għas-sena 2016. Din kienet 1.4% tas-spiża totali tal-gvern u b’hekk qabżet għall-ewwel darba il-1%.
Din tfisser nefqa ta’ €122 għal kull persuna, żieda ta’ €35 fuq dawk allokati fl-2015 u €48 aktar mill-2014.
Filfatt il-Kunsill Malti għall-Arti propju ġie fdat b’responsabbiltà ta’ kważi €16,000,000, 30% tal-budget totali għas-setturi kulturali u kreattivi.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li l-KMA hija l-entità ewlenija f’Malta li timplimenta numru ta’ miżuri li permezz tagħhom is-setturi kulturali u kreattivi jistgħu ikomplu jissaħħu. Fost dawn insibu l-implimentazzjoni tal-programm tal-gvern kif ukoll il-miżuri mħabbra kull sena fil-budget.
Fi kliem il-Ministru din is-sena l-Kunsill ingħata responsabbiltà għar-ritorn ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezja wara 17-il sena; għall-programm ġdid ta’ finanzjament għal festivals u organizzazzjonijiet kulturali; għall-inċentiv fiskali ta’ 150% għal donazzjonijiet għall-arti u l-kultura; u t-twaqqif ta’ TeatruMalta. Inqas minn sitt xhur wara, dawn diġà qegħdin fi stadju avvanzat ta’ implimentazzjoni.
“Din il-liġi mhux biss saħħet l-istruttura tal-Kunsill u tagħtu l-possibilità li joffri servizzi u fondi ġodda. B’hekk il-Kunsill Malti għall-Arti illum joffri pjattaforma għas-settur kulturali u kreattivi u għall-legat tal-Belt Kapitali fl-2018,” qal il-Ministru Bonnici.