“Is-saħħa tal-kollaborazzjoni bejnietna tinsab fil-perspettivi differenti li nħaddmu.” Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela, hekk kif l-Erbgħa fi Brussell sar l-ewwel summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill ta’ Koperazzjoni tal-Golf.
Fil-messaġġ tiegħu, Dr Abela ffoka fuq l-isfidi li jikkonċernaw liż-żewġ reġjuni li jinsabu fi gwerra, b’dik fl-Ukrajna u anke fil-Lvant Nofsani.
Waqt li rrimarka s-sodisfazzjon tiegħu dwar il-ħidma favur medjazzjoni u soluzzjonijiet diplomatiċi mir-Reġjun tal-Golf fil-Lvant Nofsani, il-Prim Ministru sostna mill-ġdid l-importanza ta’ qbil favur il-waqfien immedjat mill-ġlied u l-aċċess għal għajnuniet umanitarji għal dawk fil-bżonn f’Gaza.
Sostna li l-ostaġġi għandhom jiġu meħlusa, waqt li r-realtajiet ta’ Iżrael għandhom jiġu indirizzati u dan apparti l-importanza li jkun hemm ħidma mal-awtoritajiet Palestinjani ħalli jsiru r-riformi neċessarji.
Dr Abela indirizza wkoll l-involviment tal-Iran mhux biss f’dan ir-reġjun, iżda anke fir-reġjun Ewropew, partikolarment bil-koperazzjoni tagħha mar-Russja.
Fil-laqgħa, il-Prim Ministru Malti aċċenna wkoll għall-potenzjal tas-sħubija bejn ir-reġjun Ewropew u dak tal-Golf hekk kif spjega li opportunitajiet bħal dawk fis-settur tal-enerġija rinnovabbli u t-trasport marittimu jistgħu jsaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ naħat.
L-impenji tal-Prim Ministru se jkomplu l-Ħamis u l-Ġimgħa, b’summit tal-Kunsill Ewropew.