Din is-sena iċ-ċelebrazzjoni tal-Premju Anzjanità Attiva se tibda b’esebizzjoni tax-xogħol li jsir f’diversi ċentri għall-anzjanità attiva. Din l-EXPO se ssir nhar il-Ġimgħa li ġej, bejn id-9.00am u it-3.00pm, fil-Grand Ballroom tal-Excelsior Grand Hotel, il-Furjana.
Waqt din l-EXPO se jkun hemm wirja ta’ xogħlijiet li jagħmlu l-anzjani bl-għajnuna tal-impjegati taċ-ċentri, kif ukoll bis-sapport ta’ anzjani oħra sħabhom li bejniethom jaqsmu l-ideat u t-talenti biex jgħallmu lil xulxin.
Ma’ kull stand se jkun hemm impjegati u anzjani li huma attivi fiċ-ċentri għall-anzjanità attiva sabiex jagħtu l-opportunità biex il-pubbliku li jżur din l-EXPO jikseb iktar tagħrif dwar dan is-servizz.
Waqt din l-attività se jkun hemm ukoll stand ta’ informazzjoni rigward in-numru ta’ servizzi offruti mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità fejn persuna tista’ tikseb aktar informazzjoni dwar dawn is-servizzi.
Barra minn hekk, waqt din l-attività se jkun hemm numru ta’ esebizzjonijiet minn anzjani miċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva tas-Siġġiewi, Sliema, Naxxar, Mellieħa, Marsaskala, Birgu u Ħal Qormi, li se joffru spettaklu bit-talenti tagħhom. Fost dawn it-talenti nsibu drama, line dancing, daqq tal-pjanu, qari ta’ poeżiji, mużika u żfin.
Din l-EXPO se tkun miftuħa bla ħlas għall-pubbliku u għalhekk inħeġġu lil kull min hu interessat sabiex jattendi. Qraba u ħbieb tal-membri li se jieħdu sehem f’din l-esebizzjoni huma mħeġġa li jattendu, kif ukoll kull min hu nteressat li jara xi jsir fiċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva.