“Aħna l-għan prinċipali tagħna tibqa’ l-elezzjoni ġenerali”. Dikjarazzjoni mid-Deputat u Whip tal-Oppożizzjoni, Robert Cutajar, meta mistoqsi dwar il-fatt, li minkejja li ninsabu ftit jiem bogħod mill-preżentazzjoni tal-baġit għas-sena d-dieħla, il-Partit Nazzjonalista baqa’ ma nediex il-Pre-Budget Document bil-viżjoni tiegħu.
Mistoqsi minn ġurnalista ta’ ONE News, Cutajar qal li l-mira tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ li, mill-Oppożizzjoni, jmur fil-Gvern.
Ġurnalista: “Bħala Whip, il-baġit tista’ tgħid li issa jinsab wara l-bieb u għadkom ma ħriġtux il-Pre-Budget Document tagħkom. Mhux se toħorġuh?”
“Aħna l-għan prinċipali tagħna tibqa’ l-elezzjoni ġenerali…biex meta jissejjaħ il-mument tal-verità minn Oppożizzjoni nkunu issa Gvern alternattiv.”
Fl-aħħar jiem, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech argumenta li l-politika tiegħu mhix ibbażata fuq il-proposti, proprju wara li l-gazzetta KullĦadd żvelatlu dan il-dokument suppost bejn ċirku ristrett tal-Partit.
Minnu ħareġ li l-hekk suppost Pre-Budger Document tal-Oppożizzjoni hu mimli żbalji u bbażat fuq fatti interpretati ħażin.
Sadanittant, waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet tal-PN l-Erbgħa waranofsinhar, staqsejna wkoll lid-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina dwar il-preżentazzjoni tar-rapporti finanzjarji tal-Partit lill-Kummissjoni Elettorali, li bi ksur tal-liġi għadhom ma tressqux mill-2020, minkejja twissijiet u estensjoni taż-żmien kif mitlub mill-Partit stess.
Iżda, Bezzina, li fil-passat ukoll kien qed jaspira li jsir Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, ħarab għal kollox u ma weġibx.
“Inti kont Viċi Kap aspranti tal-Partit Nazzjonalista, u anke Deputat. Għal dawn l-aħħar sentejn ma daħħaltux ir-rapporti tad-donazzjonijiet – dan lanqas awditur m’għandek bżonn. Xi skuża ħa ġġibu din id-darba?”
Toni Bezzina: “Jien jinkwetani l-faqar kbir tal-Partit Laburista.”
Meta mistoqsi għal darb’oħra, Bezzina kien jaf biss jitbissem, iżda xorta ma weġibx.
“Onorevoli Bezzina bqajt ma weġibtnix. Inħambqu tant fuq ir-rispett lejn il-ġurnalisti u lanqas weġibitni. Ma weġibtnix.”