L-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering, l-ACE, ċaħdet b’mod kategoriku rapporti fil-midja fejn qalu li l-President tagħha qalet li s-sistema tar-riċiklar tal-BCRS hi “tad-daħq u redikola”.
B’dan il-kliem ġie rrapportat mit-Times, iżda l-ACE, fi stqarrija mis-Segretarju tagħha Matthew Pace, ingħad li dawk il-kliem ittieħdu ’l barra mill-kuntest li fihom intqalu.
Fl-istqarrija, ACE sostniet li hi kommessa taħdem favur il-miri ambjentali ta’ pajjiżna sal-2030, iżda għandu jkun hemm aktar kollaborazzjoni bejn l-entitajiet involuti f’dan il-proċess, biex l-industrija tal-catering tkun sostenibbli.
L-ACE qalet li hi ħasra li rapporti fil-midja lokali jirrapportaw konferenza tal-aħbarijiet tagħha b’mod skorrett. Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tħabbru riżultati minn stħarriġ, li sar fost in-negozjanti fl-industrija mill-Professur Vincent Marmara, b’61% tagħhom ibassru li, fiż-żmien li ġej, mistenni jiżdiedilhom id-dħul.
Sadanittant, fi stqarrija il-BCRS sostniet l-istabbilimenti tal-catering irreġistrati jistgħu jibbenefikaw minn servizz ta’ ġbir manwali b’xejn, imfassal biex inaqqas il-ħtieġa ta’ ħażna fuq il-post ta’ kontinenturi tax-xorb li jintużaw darba biss.
Dan is-servizz joffri sa 25 borża b’xejn fix-xahar għall-ġbir ta’ containers, bil-basktijiet u t-tikketti pprovduti mill-BCRS Malta.
Dan jista’ jsir billi sempliċement tibbukkja l-ġbir minn applikazzjoni apposta għall-mobile li tiġi pprovduta lill-istabbiliment mingħajr ħlas. Jekk in-negozju jeħtieġu basktijiet addizzjonali, dawn jistgħu faċiliment jiġu rranġati bi spiża minima ta’ €3.50 għal kull borża żejda f’Malta u €4.20 f’Għawdex – ekwivalenti għal madwar €0.04 għal kull kontinitur tax-xorb.