Waqt laqgħa fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-Ambjent fil-Lussemburgu, il-Ministru responsabbli Miriam Dalli enfasizzat il-ħtieġa ta’ finanzjament neċessarju li għandu jgħin lill-pajjiżi żgħar u dawk vulnerabbli għal proġetti relatati mal-ambjent u t-tibdil fil-klima.
Hawn il-pajjiżi Ewropej qablu dwar pożizzjoni komuni biex jinnegozjaw flimkien mal-kumplament tal-komunità internazzjonali fil-konferenza għat-tibdil fil-klima, il-COP29, li se ssir f’Baku, l-Ażerbajġan.
Il-Ministru Maltija enfasizzat il-ħtieġa ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni li ħafna minnhom huma relatati direttament ma’ direttivi u leġiżlazzjonijiet Ewropej, waqt li żiedet tgħid li t-tibdil fil-klima hi sfida globali, għalhekk l-adattament u l-mitigazzjoni huma essenzjali.
Dawn ir-riflessjonijiet ta’ Malta ġew inklużi fil-konklużjonijiet li se tippreżenta l-Unjoni Ewropea bħala pożizzjoni komuni matul id-diskussjonijiet tal-COP29.