Is-sena l-oħra aktar minn 87,000 persuna ħadu t-tilqima ta’ kontra l-influwenza staġjonali. Din iċ-ċifra żvelata magħna, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, fl-istess waqt li ġiet imnedija l-kampanja nazzjonali ta’ tilqim staġjonali għal din is-sena, li se tibda mit-Tnejn li ġej.
Din is-sena, minbarra t-tilqim b’xejn kontra l-influwenza u l-COVID-19 lil kull min għandu sitt xhur jew aktar, se jkun qed jiġi offrut ukoll il-vaċċin kontra l-Pnewmokokkus mingħajr ħlas lill-individwi kollha li għandhom 65 sena jew aktar.
Dan il-vaċċin jipproteġi kontra infezzjonijiet ikkawżati minn batterju responsabbli għal infezzjonijiet serji bħal dawk fis-sider u sepsis, b’mod partikolari f’adulti akbar fl-età.
Filwaqt li appellat lil kulħadd biex jieħu t-tilqim neċessarju, il-Professur Gauci qalet li jekk ikollna rata għolja ta’ dawk imlaqqmin, id-dħul ta’ persuni fl-istpar awtomatikament se jonqos, fosthom fi swali tal-mediċina u fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, f’każijiet li jistgħu wkoll iwasslu għall-mewt.
“Il-vaċċin jaħdem b’mod li inti jekk se tiltaqa’ mal-mikrobu u anke jekk inti timrad, se timrad b’ħafna inqas kumplikazzjonijiet. L-evidenza hi ċara li, permezz tat-tilqim, inti tnaqqas il-kumplikazzjonijiet. Meta ħa tnaqqas il-kumplikazzjonijiet se tnaqqas iċ-ċans li n-nies ikollhom bżonn jidħlu l-isptar u anke tnaqqas ir-riskju li persuna tista’ tmut minħabba dan il-mard.”
Il-Ministru tas-Saħħa Joe Etienne Abela serraħ ras in-nies li hu sigur li wieħed jieħu t-tliet tilqimiet u biex ma jkun hemm l-ebda kumplikazzjoni, f’kull jum tal-kampanja, se jkun hemm tabib preżenti.
“Id-drive tagħna hi li wieħed jieħu t-tliet tilqimiet. Huwa safe li dan iseħħ, ovvjament kull mediċina li nżidu hemm riskju ta’ side effects u allura biex nevitaw problemi issa se jkun hemm tabib preżenti fiċ-ċentri u bereġ tas-saħħa meta jkunu qed jittieħdu dawn il-vaċċini.”
Il-Ministru Abela spjega kif din is-sena, apparti miċ-Ċentri tas-Saħħa, dawn it-tliet vaċċini ser ikunu jistgħu jiġu offruti għall-ewwel darba mill-kunsilli lokali li jixtiequ joffru dan is-servizz, dejjem fil-preżenza ta’ tabib u billi jinżammu u jintbagħtu rekords fir-reġistru tat-tilqim. Huwa ħeġġeġ biex il-kunsilli lokali jippromwovu b’mod attiv it-tilqim fil-komunitajiet tagħhom.
Il-kampanja ta’ tilqim staġjonali se tibda fil-21 ta’ Ottubru u tibqa’ għaddejja sal-15 ta’ Diċembru.
Individwi eliġibbli jistgħu jirċievu t-tilqim tagħhom fil-postijiet u l-ħinijiet li ġejjin:
- Il-Mosta, il-Furjana, Raħal Ġdid, u ċ-ċentri tas-saħħa ta’ Għawdex: Disponibbli matul il-ġimgħa kollha, inklużi tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi, mis-13:00 sas-19:00 (walk-in service).
- Bormla, Birkirkara, il-Gżira, Ħal Kirkop, ir-Rabat, u ċ-ċentri tas-saħħa ta’ Ħal Qormi: Disponibbli mit-Tnejn sal-Ġimgħa, esklużi l-festi pubbliċi, mis-13:00 sas-19:00 (walk-in service).
Wara l-15 ta’ Diċembru 2024, il-vaċċini kontra l-influwenza u l-COVID-19 se jkomplu jkunu disponibbli permezz tal-kmamar tat-trattament taċ-ċentri tas-saħħa, u l-vaċċin PCV 20 se jkun disponibbli b’appuntament permezz tal-kliniċi tas-Servizz Nazzjonali tal-Immunizzazzjoni. It-tliet vaċċini jistgħu jingħataw f’sessjoni waħda, jew jinfirxu kif meħtieġ, abbażi l-preferenza tal-pazjent.
liet vaċċini jistgħu jingħataw f’sessjoni waħda, jew jittieħdu fi ġranet separati, abbażi tal-preferenza tal-pazjent.