Wara li rikeb fuq gidba u malafama fil-konfront tad-Deputat Laburista Carmelo Abela, kif iddikjarat mill-Qorti fl-aħħar jiem, il-Partit Nazzjonalista għadu sal-lum jaħsibha għandux jagħmel apoloġija miegħu u ma’ familtu.
Dan ħareġ biċ-ċar waqt il-programm tat-Tnejn filgħaxija ‘XTRA’ fuq TVM, ippreżentat minn Saviour Balzan, fejn preżenti għalih kien hemm żewġ rappreżentanti tal-Gvern u tnejn oħra mill-Oppożizzjoni.
Il-Qorti sabet, li dak li allega l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u li għamilha tiegħu l-Partit Nazzjonalista, jiġifieri li Carmelo Abela seta’ kien involut fl-attentat hold-up fuq l-HSBC fl-2010 u kkollabora mal-kriminali biex jiffaċilitalhom l-aċċess fil-bank, ma kienet xejn ħlief gidba mill-bidu sal-aħħar.
B’rabta ma’ dan, fid-dibattitu, il-Ministru Julia Farrugia staqsiet jekk min gideb hux se jerfa’ r-responsabbiltà, bid-Deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo tas-6pm ifarfar minn fuq spallejh u jindika li għandha ssir apoloġija, jekk il-każ hu veru.
Dan anke jekk il-Qorti diġà sabet lil Jason Azzopardi ħati li gideb u kkundannatu jħallas sebat elef ewro f’danni.
Qalet, “Min żbalja u tefa’ t-tajn b’mod ħażin fuq persuni innoċenti xi prezz se jerfa’? Illum għandna żewġ deputati tal-PN, ħa tagħtu apoloġija lill-Membru Parlamentari Carmelo Abela li ġie akkużat minn nies fil-PN li kien involut f’hold-up?”
Qal, “Jiena li qatt m’akkużajtu, nassigurak li jekk hu l-każ m’għandi l-ebda problema li nagħmel apoloġija.”
L-istess kliem ħareġ minn fomm id-Deputat u l-eks Viċi Kap Nazzjonalista David Agius li, wara li qagħad idur mal-lewża bi kliemu, ukoll ħarab milli jitlob apoloġija ma’ Carmelo Abela u familtu.
Qal, “Jekk Carmelo Abela bata aħna se nkunu minn tal-ewwel li, anke jekk m’għamilnihiex aħna l-akkuża, niskużaw ruħna.”
Minkejja dan, hu stat ta’ fatt li l-Partit Nazzjonalista rrepeta diversi drabi l-gidba mindu Azzopardi fajjar bl-addoċċ.
Sadanittant, b’inqas minn ġimagħtejn bogħod milli l-Gvern iressaq il-baġit għas-sena d-dieħla, il-Partit fl-Oppożizzjoni, immexxi minn Bernard Grech, baqa’ ma ppreżenta l-ebda dokument relatat, kif inhu magħruf aħjar il-pre-budget document.
Fi sfond ta’ ħafna paroli u bla fatti konkreti minn David Agius, id-Deputat Laburista Alex Muscat innota dan in-nuqqas ta’ serjetà min-naħa tal-Oppożizzjoni.
Qal, “Jiġifieri bil-policy papers kollha li l-kollega David Agius qed jgħid, dan lanqas dokument ta’ qabel il-baġit ma ħarġu. Dan ftit ġranet oħra għandna l-baġit, kif se nippjanaw in-nefqa tagħna għas-sena d-dieħla, u l-PN ma ħareġ xejn.”
Dwar dan anke staqsiet, għal aktar minn darba, il-Ministru Farrugia, iżda wkoll baqgħet bla tweġiba.
Qalet, “Għandkom il-Baġit, ftit jiem oħra, fejn hu l-pre-budget document? Fejn hu?”
Fl-aħħar jiem ġurnalisti ta’ ONE NEWS ukoll staqsew lill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-pre-budget document, iżda anke hu ħarab minn din il-mistoqsija u qal kif id-deċiżjoni ħadha s-sena l-oħra, waqt li iżjed riċenti tenna li l-politika tal-Partit tiegħu mhix ibbażata fuq il-proposti.
Il-gazzetta KullĦadd fl-aħħar ġimgħat irrapportat kif Bernard Grech kien urtat li xi ħadd, suppost fiċ-ċirku tiegħu, żvela l-pre-budget document nofs kedda li beda jħejji, fejn instab li, bil-proposti inklużi, jinkludi wkoll xebgħa żbalji u fatti interpretati skorrettament.