Bħala parti mill-impenn tal-Fondazzjoni HSBC Malta li jappoġġjaw inizjattivi li jtejbu l-wirt kulturali u storiku ta’ Malta u anke sabiex jippromwovu l-edukazzjoni, il-konservazzjoni u l-iżvilupp komunitarju li għandna f’pajjiżna, ġie mħabbar li se jagħtu donazzjoni ta’ €150,000 lill-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti sabiex jgħinu fil-proġett ta’ restawr ta’ 16-il pittura storika li jinsabu fil-Knisja tal-Ġiżwiti l-Belt Valletta.
Din l-għotja tħabbret waqt żjara li l-Prim Ministru Robert Abela għamel fil-Knisja tal-Ġiżwiti ftit jiem biss qabel kienet organizzata n-Notte Bianca.
Dan il-proġett għandu l-għan li jippreserva dawn it-teżori li ilhom jiffurmaw parti mill-wirt ta’ Malta għal sekli sħaħ għat-tgawdija u l-edukazzjoni kemm tal-pubbliku Malti kif ukoll oħrajn li jmorru sabiex jammiraw s-sbuħija tagħhom.
Ix-xogħol ta’ restawr se jsir fi tliet fażijiet u se jkun qed jinbeda matul din is-sena fejn għandu jitlesta sal-2026.