“Il-pajjiż quddiemu għandu dawn l-għażliet: jekk iridx jinċentiva dan it-tip ta’ investimenti f’dik iż-żona partikolari li għandha binjiet li l-fiżjonomija tagħhom tixbah lil dik ta’ dan il-proġett, jiġifieri nafu liema hi ż-żona, li qed nitkellmu dwarha, nafu li hi żona turistika, nafu li hemm binjiet high-rise hemmhekk, jew inkella jekk il-pajjiż hux se jieħu pożizzjoni li min hu lest li jinvesti dawn il-mijiet ta’ miljuni jgħidlu jien l-investiment tiegħek, grazzi, imma ma rridux u mur investi f’pajjiżi oħrajn.
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela, meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, dwar l-iżvilupp maħsub fiż-żona ta’ Villa Rosa f’San Ġiljan.
Dr Abela sostna kif tali proġetti, bħal dak ukoll tad-DB, jattiraw turisti ta’ kwalità, waqt li qal li għal dawn il-proġetti għandhom jitpattew fi spazji pubbliċi ġodda.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li l-Awtorità tal-Ippjanar se tagħmel konsultazzjoni pubblika dwar dan il-proġett u, wara dan il-proċess, issir evalwazzjoni ta’ dak li ntqal mill-pubbliku.
B’dan jista’ jwassal biex il-pjani lokali jistgħu jinbidlu jew le.
Dr Abela spjega li skont il-Hotels’ Policy jista’ jiżviluppa diġà.
Hawnhekk il-Prim Ministru semma l-eżempju tal-każ f’Santa Luċija, meta l-Qorti tal-Appell marret kontra l-pjani lokali.
“Id-diskrepanza, u nemmen li dik id-diskrepanza, li m’għandhiex tkun hemm bejn il-Hotels’ Policy u l-Local Plan għandha tiġi magħquda, allura ma jkollokx diskrepanzi, imbagħad, fl-aħħar mill-aħħar hemm proċess li bih dak il-permess jista’ jiġi miċħud, jista’ jiġi approvat, imma f’daqs inqas mill-massimu li jagħti l-pjan lokali, imbagħad, fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjoni finali tibqa’ dejjem tal-Qorti tal-Appell.”
Il-Prim Ministru semma kif, taħt il-Gvern tiegħu, kien hemm bidla fil-pjani lokali f’Ħondoq ir-Rummien, fiż-żona industrijali ta’ Bulebel fejn din mhux se tkun estiża f’art verġni u l-bajja f’Wied il-Għajn, fejn hemmhekk saret bidla fil-pjan lokali biex din ma ssirx marina.