Nhar is-Sibt 19 ta’ Ottubru, il-pubbliku se jkun jista’ jattendi għall-erbatax-il edizzjoni tal-Festival taċ-Ċikkulata tal-Ħamrun. Il-festival, li kiseb popolarità kbira matul is-snin, din is-sena mistenni jkompli jikber anke fit-toroq ta’ madwar Triq il-Kbira San Ġużepp.
Aktar dwar dak li se jkun qed jara l-pubbliku lil hinn miċ-ċikkulata, tkellem magħna s-Sindku Ħamruniż Christian Sammut.
“Għandek numru ta’ talenti Maltin, li se jkunu maqsumin fuq sitt palks differenti mifruxin fit-toroq tal-Ħamrun, jiġifieri se nkunu qed inżidu wkoll l-area fejn isir dan il-festival. Apparti minn hekk, għandek l-għaqdiet u anke, pereżempju, il-knisja u l-kappelli miftuħin b’wirjiet differenti biex indaħħlu l-kultura wkoll. Ma’ dawn għandek il-komunità tan-negozju, li se tkun miftuħa għal dan l-avveniment importanti, u b’hekk inkunu qegħdin naraw vetrina tal-lokal tagħna x’kapaċi joffri.”
F’konferenza tal-aħbarijiet fejn tħabbret l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-festival, intqal kif hu mistenni li dan jilqa’ fi ħdanu tipi differenti ta’ ċikkulata minn pajjiżi diversi.
Dan minbarra li, wara s-suċċess li ġabet magħha l-iskultura ta’ ‘Maximus’ ta’ Russell Crowe s-sena l-oħra, din id-darba qed titħejja skultura sorpiża oħra kif tkellem magħna ċ-ċikkulatier Tiziano Cassar.
“Din is-sena ddeċidejna li nagħmlu leġġendarju tal-futbol, leġġendarju ta’ kull żmien, jiġifieri u ovvjament ħa jkun relatat mal-futbol. Nixtieq li s-sorpriża tiġi żvelata, però qed inħallu dak l-element biex ovvjament anke n-nies jattendu s-Sibt ħalli jaraw l-element tax-xogħol li nkunu ħdimna taċ-ċikkulata. Li nista’ ngħid li, bħala piż ta’ ċikkulata, din is-sena se tkun naqra aktar minn tas-sena l-oħra. S’issa diġà ħdimt mal-mija u sittin kilo ċikkulata.”
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli li, filwaqt li ħeġġet lill-pubbliku biex jappoġġja dan l-avveniment, spjegat kif dan qed jittella’ bl-għajnuna ta’ fondi mill-iskema tad-Diviżjoni Lokali għall-Kunsilli Lokali għal Attivitajiet Kulturali Annwali.