L-uffiċju tal-affarijiet barranin Ingliż ħareġ twissija sabiex dawk kollha li beħsiebhom isifru matul il-perjodu tal-festi tal-Milied joqgħodu attenti f’postijiet pubbliċi li jistgħu jkunu fil-mira ta’ attakki terroristiċi jew fejn ikunu qed isiru xi dimostrazzjonijiet.
Il-Belġju huwa destinazzjoni popolari fost it-turisti Ingliżi matul ix-xhur tax-Xitwa peress li fl-ibliet u rħula ta’ dan il-pajjiż jintramaw ħafna villaġġi tal-Milied bl-aktar poplari jkunu dawk ta’ Brussell, Ghent u Bruges.
It-turisti Ingliżi qed ikunu avżati li attakki terroristiċi jistgħu iseħħu b’mod speċjali fuq it-trasport pubbliku, ċentri tal-ivjaġġar nazzjonali u internazzjonali, attivitajiet mużikali, sportivi jew kulturali, binjiet tal-gvern u istituzzjonijiet internazzjonali kif ukoll siti reliġjużi u postijiet ta’ qima.
Huma qed jiġu mitluba jkunu viġilanti f’postijiet pubbliċi u josservaw l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet lokali filwaqt li wissiet lill-vjaġġaturi li l-gvern Belġjan stabbilixxa l-livell ta’ theddid nazzjonali bħala wieħed grad 3 jiġifieri serju.