Ħamsa u erbgħin persuna nstabu jgħixu Malta b’mod irregolari u minnufih beda l-proċess biex dawn ikunu ritornati lejn il-pajjiż minn fejn ġew u fejn għandhom il-permess li jgħixu.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Pulizija, hekk kif intqal li fl-aħħar jiem kompla jkun hemm numru ta’ spezzjonijiet b’rabta mal-immigrazzjoni biex ikun assigurat li persuni li jinsabu f’pajjiżna qed jagħmlu dan skont il-liġi.
Dawn l-ispezzjonijiet saru fil-Ħamrun, Santa Venera f’San Pawl il-Baħar u l-Qawra. Il-Pulizija mexxiet dawn l-ispezzjonijiet, li flimkien magħhom kien hemm is-servizzi ta’ detenzjoni, Identità u JobsPlus, fejn saret ukoll enfasi fuq postijiet tax-xogħol u postijiet pubbliċi.
Intqal li l-Korp tal-Pulizija se jissokta b’din il-ħidma li hi waħda ma taqta xejn bħala parti minn strateġija proattiva fil-qalba tal-komunitajiet.