Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, laħaq qbil biex kull sena jiġi diskuss il-ġid tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. L-ewwel laqgħa ddedikata għal dan is-suġġett tant importanti se ssir f’Novembru li ġej.
Waqt laqgħa oħra tal-kunsill, l-imsieħba soċjali ġew informati dwar proposti ewlenin għall-futur tas-servizzi tas-saħħa fiżika u mentali f’Malta u f’Għawdex u kien hawn li saret it-talba għad-diskussjoni annwali mis-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, li spjega li l-inizjattiva hi l-bidu ta’ xi ħaġa akbar, għax jemmen li hemm bżonn aktar għarfien u anke kampanja informattiva bħala prevenzjoni.
L-inizjattiva mistennija tkompli ssaħħaħ il-ġid tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u tgħin fil-kisba ta’ ambjent aktar seren. Is-Segretarju Parlamentari saħaq li ma tistax issir diskussjoni dwar produttività kemm-il darba l-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol ma jaħdimx fit-trankwillità.
Qal, “Tlabt lill-imsieħba soċjali biex, ix-xahar li ġej, it-tema tal-MCESD tkun is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol. It-talba ntlaqgħet, anzi kien hemm talba oħra biex din issir kull sena u allura nħares ’il quddiem biex, f’Novembru li ġej, flimkien mal-imsieħba soċjali, niddiskutu din it-tema tant importanti, jiġifieri s-saħħa tal-ħaddiema tagħna, is-saħħa mentali tal-ħaddiema tagħna fuq il-postijiet tax-xogħol.”
Il-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, li wkoll indirizza l-laqgħa tal-MCESD, tkellem dwar in-numru ta’ inizjattivi u proġetti li qed isiru biex tkompli l-ħidma favur is-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin.
Semma, fosthom, il-proġett tal-Emerġenza, li se jara t-tkabbir u t-titjib tad-dipartiment fl-Isptar Mater Dei, il-proġett tal-bini mill-ġdid tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, kif ukoll ir-riforma fis-settur tas-saħħa mentali.
Qal, “Din il-laqgħa mal-imsieħba soċjali, għalija, kienet importanti mmens. Aħna ddiskutejna l-viżjoni tal-Ministeru għas-Saħħa għall-futur tas-saħħa f’pajjiżna, ħadna l-feedback u naċċerta lill-kollegi li ddiskutejna magħhom hawnhekk, li se nikkunsidraw dan il-feedback tagħhom.”