Spazju miftuħ ta’ aktar minn 1,500 metru kwadru fiż-żona residenzjali fil-Mosta, magħrufa bħala Ta’ Mlit, se jgħaddi formalment għand il-Kunsill Lokali tal-istess lokalità biex ikun responsabbli minnu.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Artijiet, Stefan Zrinzo Azzopardi, waqt żjara fuq il-post, li matulha ġie ffirmat il-ftehim ta’ devoluzzjoni bejn l-entitajiet.
Permezz ta’ dan, il-kunsill se jibbenefika mill-iskema li ma jħallasx aktar minn €500 fis-sena f’kera għal proprjetà li kiseb mingħand il-Gvern.
Il-Ministru wera s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-ftehim.
“Dan il-ftehim hu l-bidu ta’ inizjattiva importanti ħafna li, permezz tagħha, se jkunu qed igawdu r-residenti f’din iż-żona u f’dan il-lokal.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi
Preżenti kien hemm id-Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, Emil Vassallo, l-Uffiċjal Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, u s-Sindku tal-Mosta, Joseph Gatt.