Matul il-jum tal-bieraħ twaqqfet għaqda mhux governattiva ambjentali ġdida fil-gżira Għawdxija, li ngħatat l-isem ta’ ‘Siġar’. B’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, din se tkun qed tħaddar iżjed il-lokalitajiet f’pajjiżna anke permezz ta’ kampanji edukattivi.
L-eNGO ħawlet l-ewwel siġra simbolika tagħha fil-lokalità tan-Nadur, waqt li ħabbret li biħsiebha torganizza diversi attivitajiet, inkluż permezz tal-involviment tal-iskejjel u diversi voluntieri mill-komunità.
Fiċ-ċerimonja tat-tnedija tagħha, rappreżentanti mill-għaqda tennew li se jaraw li, fis-sentejn li ġejjin, jikkultivaw futur aħdar għar-residenti Għawdxin, waqt li se jieħdu ħsieb li jissaqqew dawk is-siġar fil-bidu tat-tħawwil tagħhom.
Aktar tagħrif dwar ‘Siġar’ jinstab fuq il-paġna uffiċjali tagħha ta’ Facebook, waqt li jista’ jsir kuntatt ukoll permezz ta’ imejl fuq sigargozo@gmail.com.