“Niffurmaw aħjar il-futur tat-tfal tagħna.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni li għadda l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt attività bit-tema ‘Uliedna l-Potenzjal ta’ Pajjiżna’ li ttellgħet fil-Mosta FC Youth Academy.
Kien hawn li l-Prim Ministru ħabbar proġett pilota li se jitnieda b’mod uffiċjali fil-jiem li ġejjin, f’erba’ skejjel primarji li permezz ta’ esperti se jkun qed jindirizza aħjar il-ħtiġijiet tal-istudenti.
Qal, “Dan il-proġett se jkun qed jiffoka aħjar fuq tliet aspetti, l-iskola, il-komunità, u l-familja. L-esperti li hemm f’kull skola se jkunu qed jiddentifikaw l-isfidi li qed jiltaqgħu magħhom ċertu studenti. Wara li jidentifikaw l-isfida x’inhi se jkunu qegħdin jaraw ma xiex hija relatata jekk hux ma’ sfida ġol-familja, mal-komunità jew hux sfida li toħroġ mill-iskola nnifisha.”
B’hekk l-isfidi jkunu jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ ħidma ħolisitika f’kollaborazzjoni ma’ esperti oħra skont fejn ikun hemm bżonn.
Qal, “Jiena nemmen li ma nistgħux nitilfu tifel jew tifla imqar waħda mis-sistema edukattiva tagħna għaliex it-tfal tagħna jixirqilhom aħjar u dan huwa proġett nemmen li jfisser il-valuri li aħna nemmnu fihom, il-valur edukattiv, li nemmnu ħafna fil-ġenerazzjoni tat-tfal tagħna li nagħtu l-appoġġ lill-familji tagħna, l-appoġġ sħiħ lill-edukaturi tagħna u huma propju inizjattivi bħal dawn li verament jiena nemmen ifasslu sinsla aħjar għas-soċjetà tagħna.”
Matul l-attività ġie trattat ukoll il-ftehim kollettiv mal-edukaturi tal-MCAST hekk kif il-President tal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, Marco Bonnici ikkonferma li komplew in-negozjati waqt intervent li għamel.
Qal, “Apprezzajt ħafna l-kummenti tal-Prim Ministru tal-ġimgħa li għaddiet li prattikament qalilna morru nnegozzjaw u li t-tribunal m’huwiex soluzzjoni u fil-fatt hekk għamilna jiġifieri din il-ġimgħa grazzi anki għall-Ministru Grima morna ninnegozjaw, għamilna laqgħat ta’ negozjati u għandna jekk Alla jrid l-ġimgħa d-dieħla u anki ta’ wara li ħa nkomplu għaddejjin hekk dan il-ftehim li issa ilu għaddej.”
Il-Prim Ministru laqa’ dan l-iżvilupp li għaqqdu mal-ftehim settorjali li ntlaħaq mal-edukaturi tal-istat u tal-knisja, kif ukoll l-għajnuna li ngħatat lill-istituzzjonijiet edukattivi privati.
Qal, “U fl-istess spirtu ta’ dan il-ftehim nemmen ukoll kif qal Marco li l-kwistjonijiet kollha li hemm mal-letturi tal-MCAST inkunu kapaċi nagħlquhom madwar il-mejda tan-negozjar kollettiv fil-jiem li ġejjin sabiex issir ġustizzja kemm mal-istudenti kif ukoll mal-letturi nfushom.”
Ir-riforma fil-Qorti tal-Familja kienet tema oħra li ġiet trattata f’din l-attività partikolarment mill-avukat Francesca Zarb li faħħret ir-riforma li ddeskrivieta bħala waħda studjata.
Qalet, “Jiena nawgura, id-dokument diġà jawgura tajjeb ħafna, nawgura naturalment li meta għada pit għada din ir-riforma issir liġi nużawha u nipprattikawha fil-Qrati tagħna b’mod li tgħin il-familji Maltin u Għawdxin.”
Dwar dan il-Prim Ministru enfasizza l-importanza ta’ djalogu f’formati differenti li jwassal għal aktar ħidma b’risq il-ġid komuni.
Qal, “Huwa b’dan il-mod li rridu nibqgħu nimxu ‘l quddiem b’din id-diskussjoni franka bejnietna li jħaddnu fehmiet differenti fuq diversi suġġetti, però konna kapaċi ninġabru flimkien biex flimkien niddiskutu dwar kif aħna nistgħu nfasslu soċjetà aħjar.”