KARMENU, IL-VERITȦ, XEJN ANQAS MILL-VERITȦ huwa ktieb ġdid dwar il-ħajja ta’ Karmenu Mifsud Bonnici li mexxa l-Partit Laburista bejn l-1984 u 1992. Dan il-volum jipprova jfittex il-verità dwar Karmenu Mifsud Bonnici. Fih 24 rakkont miktubin minn kontemporanji ta’ Karmenu, inkluż dawk li kienu studenti miegħu u iggradwaw fil-Kors tal-Liġi fl-1958. Jinkludi bijografija ta’ Karmenu u rakkonti oħra dwar il-legat ta’ Karmenu mis-snin sittin sal-aħħar xhur ta’ ħajtu.
Joe Borg, l-editur ta’ dan il-volum, jirrakkonta kif ftit ġranet qabel ħalliena Karmenu Mifsud Bonnici, iltaqa’ miegħu u staqsieh kienx interessat jagħmel l-awtobiografija tiegħu. Karmenu ma qabilx u qal li kien jippreferi jħalli lil ħaddieħor jikteb l-istorja ta’ ħajtu. Wara l-mewt ta’ Karmenu fil-5 ta’ Novembru 2022 Joe Borg ikkuntattja bosta personalitajiet li kienu jafu sew jew ħadmu ma’ Karmenu. Dan il-volum jinkludi bijografija dettaljata ta’ Karmenu u rakkonti ta’ Ugo Mifsud Bonnici, Giovanni Bonello, Alfred Sant, Anġlu Fenech, Sammy Meilaq, Georg Sapiano, George Abela, Albert Friggieri, John Baldacchino, George Vella, John Consiglio, Marie Louise Coleiro Preca, Mario Vella, Raymond Mangion, Dr Mario Vella, Mark Montebello, Anġlu Farrugia, Joe Mifsud, Alex Sceberras Trigona, Evarist Bartolo, Owen Bonnici, Toni Abela, Richard A Matrenza u l-Isqof Joseph Galea Curmi.
Dawn il-kontributuri jittrattaw l-involviment ta’ Karmenu fiż-ŻĦN; l-influwenza fuqu tat-tagħlim soċjali tal-Kardinal Cardijn, l-istudji tiegħu f’Londra li wassluh għall-impenn trejdunjonistiku tiegħu fi ħdan il-GWU fi tmiem is-snin sittin; l-impenn politiku fi ħdan il-Partit Laburista; it-tliet snin li tulhom kien Prim Ministru bejn l-1984-1987; il-ħames snin (1987-1992) li kien Kap tal-Oppożizzjoni; ir-rispett enormi li kellu lejn Dom Mintoff; l-animożità bejnu u bejn Eddie Fenech Adami; l-involviment tiegħu fil-Kampanja għall-Ħelsien Nazzjonali u fil-Front Maltin Inqumu. Il-ħidma tiegħu sal-aħħar nifs biex jiddefendi n-newtralità ta’ Malta.
Il-ktieb għandu daħla tal-President Myriam Spiteri Debono,
Il-ktieb huwa ippubblikat minn SKS u se jkun imniedi fil-Palazz tal-President fit-30 ta’ Ottubru. Jibda jinbigħ fl-istand tal-SKS waqt il-Festival tal-Ktieb bejn 6-10 ta’ Novembru f’Ta’ Qali bil-prezz speċjali ta’ €20. Wara jinbigh mill-ħwienet tal-kotba €25.