Tnediet uffiċjalment istituzzjoni edukattiva speċjalizzata oħra, dik ta’ Ascencia Malta. B’din se tingħaqad ma’ campuses oħrajn madwar id-dinja, li huma kollha parti minn din l-istituzzjoni prestiġjuża.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru responsabbli mill-edukazzjoni Clifton Grima qal li Ascencia Malta, istituzzjoni mibnija fuq il-pedament ta’ eċċellenza akkademika, innovazzjoni u impenn profond biex tiżviluppa s-suċċess fis-settur speċjalizzat tagħha.
Fl-aħħar sentejn, Ascencia Malta għamlet passi kbar u għandha l-programmi akkademiċi tagħha akkreditati mill-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Għolja, filwaqt li kollha huma rikonoxxuti mill-qafas Ewropew għall-kwalifiki u appoġġjati mill-Erasmus+ u l-inizjattiva ‘Get Qualified’ ta’ pajjiżna.
Ascencia Malta toffri firxa wiesgħa ta’ programmi, minn baċċelerat sa masters u dottorati, li jispeċjalliżaw f’oqsma bħal amministrazzjoni ta’ negozju, xjenza tal-kompjuters, immaniġġjar, imprenditorija u oħrajn.
L-istituzzjoni, li hi impenjata li tipprovdi edukazzjoni ħolistika li taqdi l-bżonnijiet tal-ekonomija globali tal-lum, hi parti min-network tal-College de Paris, li tospita fakultà u studenti minn madwar id-dinja.
Id-Direttriċi ta’ Ascensia Malta, Tess Giordmaina, spjegat li l-istituzzjoni hi mibnija fuq bażi soda ta’ integrità akkademika u eċċellenza flimkien ma’ impenn lejn it-tagħlim u l-promozzjoni tal-għarfien u s-suċċess tan-negozju. Bħala istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla, skola tal-lingwa Ingliża, u skola online b’liċenzja sħiħa, Ascensia Malta qed tilqa’ studenti minn 15-il pajjiż differenti rreġistrati f’varjetà ta’ korsijiet minn livell ta’ undergraduate sa livell ta’ master.
F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru Grima qal li m’għandux dubju li l-istudenti se jiksbu suċċess kbir, mhux biss f’pajjiżna, imma wkoll madwar id-dinja, bħala ambaxxaturi tal-edukazzjoni ta’ kwalità għolja. Huwa tenna li din l-Istituzzjoni għandha ġejjieni mill-isbaħ u awgura żvilupp kontinwu u suċċess fil-kontribut għall-formazzjoni tal-futur tal-edukazzjoni f’Malta u lil hinn.