“Nispera li l-proġett tal-Imsida ma jipprovax jintuża bħala ballun politiku.”
Dan intqal mill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Steve Ellul waqt il-program ‘Bil-Fatti’ fuq ONE.
Hawnhekk il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta kien qed jitkellem kif Kunsill Nazzjonalista fl-Imsida biddel ta’ taħt fuq dak li kienu qablu dwaru diġà fil-leġiżlattura li għaddiet.
Il-Kunsill Nazzjonalista ħareġ ittra fejn ingħad li hu kontra dan il-proġett, waqt li ftit tax-xhur ilu, f’laqgħa fl-aħħar tal-leġiżlattura li għaddiet, fejn il-kunsilliera Nazzjonalista qablu dwar il-proġett kif propost.
“Il-proġett fih innifsu huwa proġett sabiħ ħafna, allura nispera li dan il-proġett ma jipprovax jintuża bħala ballun politiku għaliex naħseb li dan il-proġett eventwalment ser jkun ta’ solidarjetà fuq kollha għall-Imsida u anke dawk li jgħaddu minn hawn.”
Ellul spjega ukoll li dan il-proġett se jindirizza l-problemi li tiffaċċja din iż-żona.
Semma kif dan il-proġett se jaħseb f’xogħlijiet ta’ tisbiħ u żoni ġodda ta’ rikreazzjoni.
Huwa spjega li l-proġett se jitqassam f’fażijiet differenti sabiex jitnaqqas l-impatt ta’ dan ix-xogħol fit-traffiku.
“Qegħdin naqsmu l-proġett f’fażijiet apposta sabiex kemm jista’ jkun innaqqsu l-inkonvenjent kemm nistgħu, u barra minn hekk importanti ħafna, jien nemmen immens fiha, li nikkomunikaw man-nies. Jiġifieri kull darba li xi modifiċi jew tibdil fir-rotot tat-traffiku ser inkunu qegħdin nikkomunikaw man-nies.”