Malti ta’ 39 sena qiegħed jinżamm arrestat wara li allegatament ilbieraħ filgħaxija aggredixxa pulizija fl-Għassa ta’ Tas-Sliema.
Il-każ seħħ meta l-pulizija kienu qegħdin jitkellmu ma’ qarib ta’ din il-persuna b’rabta ma’ rapport ta’ sewqan perikoluż. Sadanittant, ir-raġel daħal fl-għassa u beda jgħolli leħnu u jħabbat mal-perspex.
Minkejja t-twissijiet mill-pulizija huwa sar aggressiv fil-konfront tal-Pulizija.
Ir-raġel ma obdiex l-ordnijiet u kien hawn li mbotta pulizija mal-ħajt u sar aktar aggressiv.
Huwa beda jirreżisti l-arrest, bil-konsegwenza li l-pulizija sofra ksur f’idejh u ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi, waqt li żewġ pulizija oħra sofrew ġrieħi ħfief.
Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti.
Infetħet ukoll inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Dr Antoine Agius Bonnici.
Sadanittant, b’rabta ma’ dan il-każ kiteb il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, fejn ikkundanna dak li seħħ, iżda sostna li jħares ‘il quddiem biex nhar it-Tnejn, il-Parlament jibda jiddiskuti l-emendi legali li ressaq il-Gvern biex ikompli jsaħħaħ il-ġlieda kontra każijiet bħal dawn.