Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jkun qed jibda xogħlijiet infrastruttrali fuq numru ta’ bankini, kif ukoll xogħlijiet ta’ pavimentar fiċ-ċentru u d-dawra tal-belt storika tal-Imdina.
Dan tħabbar waqt żjara li għamel is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia sostna li proġett bħalma se jkun qed isir fl-Imdina huwa frott l-iffirmar li sar bejn il-Gvern u l-kunsilli lokali, aktar kmieni din is-sena, bil-għan li titjieb l-infrastruttura kif ukoll isebbaħ il-lokalitajiet.
“Bħala Gvern kommessi li din il-belt tingħata l-importanza infrastrutturali li jixraqilha, kemm għall-eluf ta’ Maltin li jżuruha, kif ukoll għat-turisti li jgawdu mis-sbuħija ta’ dan il-lokal.”
Is-Sindku tal-Imdina Peter dei Conti Sant Manduca sostna l-importanza ta’ dawn ix-xogħlijiet u qal li dawn se jsiru b’rispett assolut lejn il-wirt li ġġorr din il-belt, waqt li se jkomplu jżommuha fl-ogħla livell possibbli.