Malta u l-Montenegro ffirmaw ftehim ġdid ta’ kollaborazzjoni dwar taħriġ diplomatiku. Dan seħħ waqt laqgħa li kellu d-Deputat Prim Ministru Malti Ian Borg mad-Deputat Prim Ministru tal-Montenegro, Ervin Ibrahimović, f’pajjiżna stess.
Dan il-ftehim jipprovdi bażi soda għall-organizzazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ b’mod konġunt, il-bdil ta’ informazzjoni u esperjenzi relatati mat-taħriġ diplomatiku u kollaborazzjonijiet oħrajn.
F’dawn il-laqgħat ġew diskussi diversi temi ta’ interess reċiproku u affermaw mill-ġdid ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi.
Huma ddiskutew ukoll opportunitajiet ġodda għal koperazzjoni eqreb f’diversi oqsma, inkluż it-turiżmu.
Fost id-diskussjonijiet bejn iż-żewġ Deputati Prim Ministri ġie ttrattat il-proċess kontinwu għad-dħul tal-Montenegro fl-Unjoni Ewropea, b’Malta hi miftuħa biex tesplora koperazzjoni ma’ dan il-pajjiż fil-qafas tal-appoġġ għall-proċess ta’ tkabbir Ewropew.
Qal, “Flimkien iddiskutejna l-isfidi globali, iżda l-opportunitajiet li jeżistu. Il-fatt li qed inservu fil-Kunsill tas-Sigurtà, l-OSCE, il-mixja tagħhom lejn l-Unjoni Ewropea u kemm Malta tappoġġja dak it-tkabbir mhux biss tagħhom, imma anke tal-pajjiżi ġirien fil-Balkani tal-Punent.”
Id-Deputat Prim Ministru tal-Montenegro ltaqa’ wkoll mal-Ispeaker tal-Parlament Malti, Dr Anġlu Farrugia.