L-entità governattiva Infrastructure Malta għaddejja bix-xogħlijiet fuq l-ewwel proġett mill-inizjattiva tagħha favur tisbiħ u titjib kif mitlub mill-kunsilli lokali. Ix-xogħlijiet qed isiru fit-triq li tgħaqqad il-lokalitajiet taż-Żejtun u Ħaż-Żabbar.
B’investiment ta’ għaxar miljun ewro, l-inizjattiva ‘Vjal Kulħadd’ taħdem mal-kunsilli lokali madwar il-pajjiż biex it-toroq ikollhom dehra, kif inhu mixtieq mir-rappreżentanti taċ-ċittadini fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
L-għan ta’ dan il-proġett bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun hu li jiżviluppa rotta sigura u aktar aċċessibbli għall-mixi u r-roti, minbarra aktar titjib fis-sigurtà u l-aċċessibiltà tat-triq.
Il-proġett mifrux fuq kilometru se jara s-siġar u l-ħdura preżenti jiġu integrati mad-disinn il-ġdid, waqt li se jsir xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-ħitan tas-sejjieħ.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta spjega l-importanza tal-estetika tat-toroq.
Qal, “Sabiħ ħafna wkoll bħalissa għaddej proġett ta’ tisbiħ f’din it-triq permezz ta’ ġebel tas-sejjieħ, għax nemmnu li l-estetika tat-toroq hu importanti biex tħeġġeġ lil dak li jkun, minflok juża l-karozza, juża r-rota jew inkella jimxi minn dawn it-toroq.”
Preżenti wkoll kien hemm is-Sindku taż-Żejtun, Joan Agius, u dak ta’ Ħaż-Żabbar, Jorge Grech, fejn esprimew l-importanza ta’ din it-triq li tgħaqqad liż-żewġ komunitajiet.
Agius spjegat, “Aħna, bħala Kunsill Lokali taż-Żejtun, ilqajna dan il-proġett ‘Vjal Kulħadd’, li hi xi ħaġa pożittiva fejn qed tagħtina ċans Infrastructure Malta li nużaw it-toroq tagħna għal għan nobbli, jew biex nixmu jew inkella biex immorru fuq ir-roti.”
Grech qal, “Proprju issa wara ħames snin, li introduċejna wkoll it-tħawwil tas-siġar matul it-triq kollha, issa se tiżdied il-karreġġjata għaż-żona pedonali u ż-żona għaċ-ċiklisti. Flimkien ovvjament ma’ karreġġjata aċċessibbli għall-vetturi, se nkunu qegħdin naraw l-użu massimu ta’ din it-triq biex tkun tista’ titgawda minn kulħadd.”