Ninsabu fix-xahar t’Ottubru, li hu ddedikat għal aktar għarfien dwar il-kanċer u kif jista’ jolqot lil kulħadd fil-varjazzjonijiet kollha tiegħu, kemm dawk komuni kif ukoll oħrajn rari.
Ftit jaħsbu li wieħed mill-kanċers komuni, dak tas-sider u li ġeneralment nassoċjawh biss man-nisa, jista’ wkoll jattakka lill-irġiel. Għalkemm ir-rata tal-każi huma inqas frekwenti minn tan-nisa, f’pajjiżna nsibu wkoll każi simili.
Tkellimna ma’ John Paul Abela, raġel li kien attiv u mpenjat bil-familja tiegħu, iżda, bħal sajjetta fil-bnazzi, ingħata l-aħbar ħażina fl-aħħar xhur li spiċċat ħarbtitlu l-ħajja ta’ kuljum.
Qal, “L-akbar problema li sibt li meta jiena tkellimt ma’ xi ħadd ‘isma’, jiena għandi kanċer tas-sider … oħtok? ommok? il-partner tiegħek? Le jien’. Mela allura l-ewwel ftit minuti kelli nindirizzahom biex jiena nispjega kif il-kanċer tas-sider ħakem lili bħala raġel.”
Abela qalilna li, għalkemm l-ispeċjalisti jagħtuk l-aħjar kura possibbli, tibqa’ tiffaċċja mistoqsijiet li ftit jistgħu jwieġbuhomlok. Dan hekk kif, bħala raġel, ma tistax tirrelata fuq dak li jħossu rġiel oħrajn, ladarba l-ammont fis-sena hu ftit ħafna. Qal li hu għalhekk li, jekk għall-inqas dan kollu jservi ta’ xi ħaġa, irġiel oħrajn ikunu jafu li jistgħu jsibu l-appoġġ li għandhom bżonn.
Qal, “Inti li titkellem ma’ mara, li għandha l-kanċer tas-sider, jista’ jkun hemm empatija u tgħidlek għamel kuraġġ, però jiena mhux empatija u kuraġġ kelli bżonn dak il-ħin. Però kelli bżonn xi ħadd li jgħidli ‘no worry, nafu li din hi xi ħaġa li ma tantx taqbad lilna l-irġiel, però ħa tgħaddi minn din il-fażi u mbagħad ħa tissettilja. Things will smooth down’.”
Hu kompla jgħidilna kif dwar il-kanċer tas-sider issir ħafna promozzjoni relatata għan-nisa, iżda mhux l-istess dwar tal-irġiel. Għalhekk appella, anke bħat-tobba tal-familja, biex dak li jkun imur għandhom u darba kultant ikun iċċekkjat għall-kanċer ukoll, la jeżisti.
Abela qal li din il-prattika hi xi ħaġa li ma tiswiex ħafna flus, fattibbli u xi ħaġa li dak li jkun jista’ jħossu komdu biex jagħmel mat-tabib tiegħu, biż-żewġ naħat jistgħu anke jitgħallmu minn xulxin.
Qal, “Bħalma kollha nafu, il-kanċer tas-sider fl-irġiel jimmanifesta ruħu meta jkun ‘too late’ jew ikun fi stadju avvanzat. Jiena nzertajt fortunat li lħaqtu fi stat bikri u ridt li, minn din l-esperjenza tiegħi, almenu joħroġ xi ħaġa ta’ ġid.”