L-ebda serħan fuq status qou għal sfidi ġeo-politiċi li għandna fir-reġjun tal-Mediterran.
Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela, waqt il-laqgħa tal-MED 9, f’Pafos, f’Ċipru, li laqqgħet flimkien il-mexxejja tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea.
Preżenti għal dan is-summit kien hemm id-disa’ mexxejja Ewropej, flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u r-Re tal-Ġordan.
F’konferenza tal-aħbarijiet wara din il-laqgħa għolja, il-Prim Ministru Malti għal darba sostna dwar il-paċi u s-sigurtà b’rabta mal-gwerra fil-Lvant Nofsani u f’Gaza.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar temi differenti oħra fosthom il-prijoritajiet tal-Mediterran u l-immigrazzjoni.
Dwar dan tal-aħħar, il-pajjiżi qablu li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tgħin lill-pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq biex jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi indirizzata din l-isfida.
Hawnhekk il-Prim Ministru enfasizza li l-Libja għandha tkun parti integrali f’dan kollu. Qal li l-Libja hi sieħeb ewlieni biex tiġi indirizzata l-isfida tal-immigrazzjoni u saħaq li Malta se tkompli tappoġġja l-Kummissjoni Ewropea sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni mal-Libja.
Dwar il-kompettitività, il-Prim Ministru Robert Abela kompla jimbotta l-pożizzjoni ta’ pajjiżna tal-bżonn ta’ suq waħdieni ekwu għal kulħadd, inkluż dawk l-istati fil-periferija tal-Unjoni Ewropea bħal Malta.
Din il-laqgħa saret ftit jiem qabel li l-mexxejja Ewropej jiltaqgħu fis-Summit tal-Kunsill Ewropew, li se jsir fi Brussell.