Għat-tieni darba il-bażi tal-Ġnus Magħquda fil-Libanu ġiet attakkata mill-forzi Iżraeljani u ġew feruti żewġ uffiċjali taż-żamma tal-paċi fejn hu mifhum li wieħed minnhom jinsab f’qagħda kritika. Dan l-attakk isegwi dak tal-Ħamis fejn il-forzi tad-difiża ta’ Iżrael laqtu torri tal-osservazzjoni f’dawn il-kwartieri u ġew feruti żewġ uffiċjali oħra tal-forza taż-żamma tal-paċi.
Il-kap tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea Josep Borrell ikkundanna l-aġir ta’ Iżrael u qal li m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal dan l-attakk fuq il-forzi tal-Ġnus Magħquda fil-Libanu.
Il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel ikkundanna wkoll dawn l-attakki minn Iżrael u appella sabiex kulħadd jirrispetta l-liġi umanitarja internazzjonali.
Dawn l-attakki fuq il-kwartieri ġenerali tal-UNIFIL saru hekk kif il-kunflitt bejn Iżrael u l-grupp militanti Hezbollah appoġġjat mill-Iran qiegħed jeskala b’rata mgħaġġla.