Il-Partit Laburista qal li jistenna li l-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius jagħmel apoloġija pubblika wara li nqabad jigdeb mill-Aġenzija Ewropea ta’ Kontra l-Frodi, l-OLAF.
Agius instab li għamel allegazzjonijiet infondati, wara investigazzjoni li saret mill-OLAF u li ma sabet l-ebda abbuż minn fondi Ewropej għall-bini ta’ razzett tan-nagħaġ.
Il-Partit Laburista enfasizza li, għalih, din l-imġieba mhix aċċettabbli.
L-Erbgħa sar magħruf kif l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Peter Agius kien gideb meta, f’Marzu li għadda, ftaħar li rrapporta lill-iżviluppatur Kurt Buhagiar lill-OLAF u allega li dan uża mat-€360,000 minn fondi Ewropej biex jibni villa fin-Naxxar, minflok razzett tan-nagħaġ, li għalih kienu assenjati l-flus.
Rapport mit-Times f’Ġunju li għadda wkoll kien kixef din il-falza stikka ta’ Agius, wara żjara fir-razzett innifsu. Minkejja dan, Agius għażel li jippersisti bil-gidba tiegħu bil-għan li jikseb xi vantaġġ politiku, qabel eventwalment ġie elett fil-Parlament Ewropew.
Fi stqarrija l-Ġimgħa, il-Partit Laburista kompla li wieħed jistenna li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ukoll ma jibqax sieket quddiem gidba minn Membru Parlamentari Ewropew tiegħu u jġiegħlu jagħmel apoloġija.
“Din hi l-inqas ħaġa li jista’ jagħmel Grech jekk irid juri li jmexxi hu u mhux imġiegħel imexxi kif jgħidulu”, tenna l-Partit Laburista, waqt li żied li l-poplu jistenna aktar serjetà mir-rappreżentanti tiegħu fil-ħidma tagħhom, kemm f’Malta, kif ukoll fil-fora internazzjonali.