L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, is-sena l-oħra, analizzat 359 reklam fuq il-midja soċjali u 35 websajt minn kumpaniji lokali ta’ investiment, assigurazzjoni u kreditu, minħabba xi qerq li jista’ jkun hemm li minnu jsofru l-klijenti potenzjali.
Għalkemm reklami jew promozzjonijiet simili ma jeħtiġux l-approvazzjoni qabel, l-awtorità tagħmel skrutinju kontinwu f’dan ir-rigward.
Ir-rapport tagħha għall-2023 iħabbar li, minn dawk analizzati, kien hemm 40 każ ta’ reklami simili li kienu jeħtieġu iżjed kjarifiki, waqt li f’każ minnhom saħansitra kellu jiġi rtirat avviż ta’ promozzjoni. Is-sejbiet, li kienu jeħtieġu l-interventi tal-awtorità, kienu jinkludu informazzjoni nieqsa, dikjarazzjonijiet neqsin dwar riskji u qerq dwar il-prodott jew għotjiet u inċentivi.
Fil-każ tal-websajts, il-kwistjonijiet komuni kienu dwar tagħrif mhux korrett jew mhux komplut.