F’seduta tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament din il-ġimgħa, numru ta’ rappreżentanti minn għaqdiet sportivi tkellmu dwar l-għajnuna kruċjali li rċievew fl-aħħar snin mill-Gvern biex bihom setgħu jkomplu jkabbru l-attività tagħhom u joffru l-aħjar opportunitajiet lill-atleti tagħhom, inkluż il-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet internazzjonali.
F’isem l-Assoċjazzjoni għall-Isport Akkwatiku, il-President Karl Izzo, spjega li, kull sena, SportMalta tagħti għotja lil kull min jipparteċipa f’xi logħob barra minn pajjiżna u li, kieku ma jkunux dawn il-fondi, ma jkunux jistgħu jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet importanti.
“Thank god li għandna dawn l-fondi, għax b’hekk inkunu nistgħu nipparteċipaw fl-ogħla livell.”
Fil-fatt, ingħad li l-ASA, bejn l-2021 u l-2022, gawdiet minn ħamsin elf ewro u, fl-aħħar snin, irċievew mal-120 elf ewro oħra mogħtija lilhom minn SportMalta.
Izzo temm jgħid li, minbarra dawn, il-ġimgħa d-dieħla l-istess entità tal-Gvern ukoll se toffri l-appoġġ tagħha biex tiġi installata sistema ġdida ta’ dawl għall-assoċjazzjoni.
Tkellem ukoll Frans Pace, President tal-Malta Shooting Sport Federation, li tħaddan il-klabs kollha tal-isparar f’pajjiżna. Hu qal li l-federazzjoni gawdiet minn madwar 300 elf ewro fl-aħħar żmien, li għenuhom jiksbu aktar midalji, kif ukoll irriżulta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Waqt li kompla li xorta fadal xi jsir, Pace stqarr li, permezz ta’ dawn il-fondi pubbliċi, qed isir xogħol ta’ rinnovar fil-faċilitajiet fejn jipprattikaw l-atleti tagħhom.
Hawn ippropona li tinbidel il-liġi biex tibda tippermetti lil tfal sa mill-età ta’ 12 il-sena biex jitħarrġu fil-faċilitajiet tagħha bl-użu ta’ rifles tal-arja u anke ssir rifużjoni tal-VAT fuq ix-xiri ta’ plattini u skrataċ.
Fl-aħħar, tkellem il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, Julian Pace Bonello, li spjega kif il-fondi kollha mogħtija lilhom jiġu minn tliet entitajiet differenti tal-Gvern, partikolarment SportsMalta, waqt li, parti mill-fondi, dejjem jiġu allokati favur is-saħħa mentali tal-atleti.
Pace Bonello kompla ma’ dak li qalu r-rappreżentanti l-oħrajn qablu dwar kemm huma kruċjali tali għajnuniet biex Malta tkun tista’ tikseb riżultati tajbin f’kompetizzjonijiet internazzjonali, inkluż l-aħħar edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-2023, li kienet iddominata mill-atleti lokali f’pajjiżna stess.
“Qatt ma konna ġejna fl-ewwel tliet postijiet fil-klassifika tal-midalji u, din id-darba, mhux biss ġejna fl-ewwel tliet postijiet, iżda ġejna fl-ewwel post. Jiġifieri mhemmx dubju li l-investiment li sar, kif jgħidu l-Ingliżi, it definetly payed off.”