Ir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tal-Imsida għamlu u-turn totali b’rabta mal-proġett propost tal-Msida Creek.
Dan wara li, fl-aħħar sigħat, il-Kunsill Lokali tal-Imsida, immexxi mis-Sindku Nazzjonalista Charles Selvaggi, ippubblika ittra mibgħuta lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, fejn ingħad li l-Kunsill hu kontra l-bini ta’ flyover bħala parti minn dan il-proġett wara mozzjoni li tressqet.
Madankollu, din il-pożizzjoni hi kompletament l-oppost ta’ dik li ttieħdet mill-istess esponenti tal-Partit Nazzjonalista f’laqgħa fl-aħħar leġiżlatura, fejn kien intlaħaq qbil unanimu dwar il-proġett kif propost.
Aktar dwar dan spjegat ma’ dan l-istazzjon, il-Minority Leader fil-Kunsill Lokali tal-Imisida, Margaret Baldacchino Cefai, li f’dak iż-żmien ukoll kienet isservi bħala Sindku u llum hi l-Minority Leader.
“Bħala Kunsill Lokali ilna għal dawn l-aħħar ħames snin niddiskutu dan il-proġett. Kien hemm diversi diskussjonijiet fejn iż-żewġ naħat tal-Kunsill Lokali, il-kunsillieri, ħadu sehem b’mod attiv u pparteċipaw. Fejn kellna xi mistoqsijiet ġew imwieġba, fejn kellna suġġerimenti għaddejniehom u ġew milqugħa. Saret ukoll laqgħa pubblika għar-residenti, saru wkoll diversi laqgħat mal-għaqdiet, li huma kienu kkonċernati bil-proġett. Fl-aħħar mill-aħħar il-Kunsill kollu kien qabel li jsir dan il-proġett.”
Dan jikkonfermawh il-minuti tal-laqgħa numru 49, li saret fil-31 ta’ Jannar 2023, meta ġie rreġistrat qbil unanimu bejn ir-rappreżentanti tal-Kunsill Lokali, inkluż tal-esponenti tal-Partit Nazzjonalista, li għadhom iservu llum fuq il-Kunsill.
Dakinhar, Baldacchino Cefai, bħala s-Sindku, kienet qrat ittra li tgħid: “Nixtieq ninforma li waqt is-Seduta tal-Kunsill li saret nhar it-Tlieta 17 ta’ Jannar, il-kunsillieri għamlu diskussjoni oħra fejn unanimament hemm qbil dwar il-proġett tal-Imsida Creek kif ġie propost.”
Il-proġett propost jinkludi l-bini ta’ fly-over, 60% ta’ spazji miftuħa ġodda bi pjazza pedonali ta’ 2,000 metru kwadru, bandli u latrini ġodda, parkeġġi, cycling lane u kanal tal-ilma twil 300 metru biex jevita l-għargħar ikkaġunat mix-xita.
Minbarra hekk, il-minuti tal-Kunsill juru wkoll kif Charles Selvaggi, li llum hu s-Sindku tal-lokalità, kien għamilha ċara li hu u sħabu tal-Partit Nazzjonalista huma favur il-proġett u l-uniku tħassib li wrew kien dwar l-iskatepark u l-ammont ta’ karreġġjati fuq il-flyover.
B’hekk, il-mozzjoni li kienet ppreżentata fl-aħħar jiem tmur kontra dik li kien hemm qbil fuqha qabel.
Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista dwar dan kollu ntqal kif, b’dan l-aġir, il-kunsillieri Nazzjonalisti qegħdin jipprovaw ixekklu l-proċess ta’ dan il-proġett.
Intqal li hu ċar “li l-kunsilliera Nazzjonalisti kellhom struzzjonijiet mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista biex jitfgħu it-tajn fuq il-ħidma tal-Gvern Laburista u fl-istess ħin, bħal Bernard Grech, jimxu mat-trend tal-popoliżmu, akkost li jmorru kontra l-prinċipji u l-fehmiet tagħhom stess.”
L-istqarrija temmet għid kif il-kunsilliera eletti f’isem il-Partit Laburista mistennija jaraw li dak li ġie propost u maqbul jiġi onorat.