Id-Duka ta’ Edinburgh għamel żjara speċjali fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, fejn kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ diversi residenti, voluntiera, u membri tal-komunità. Matul iż-żjara tiegħu, id-Duka kellu l-okkażjoni jżur diversi stands minn għaqdiet volontarji li jaħdmu mill-qrib ma’ din id-Dar.
Akkumpanjaw lid-Duka, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u d-Direttur tar-Residenza Fr Martin Micallef.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm membri tal-Kumitat Paraolimpiku Malti, rappreżentat mill-President tal-Kumitat, il-Professur Joseph Grima, li ppreżenta lid-Duka l-inizjattiva PROJECT MOVE. Dan il-proġett ambizzjuż huwa mmirat biex jispira aktar nies, inkluż persuni b’diżabilità fiżika jew viżiva, biex jibdew jipparteċipaw f’attivitajiet sportivi.
PROJECT MOVE għandu l-għan li jinkoraġġixxi lil dawk li s-soltu jsibuha diffiċli biex jinvolvu ruħhom fl-isport, u joffri appoġġ għal dawk li jistgħu jkunu qed ifittxu mod kif jibdew stil ta’ ħajja aktar attiv. L-isport, speċjalment il-parasports, jista’ jkun sfida għal ħafna minħabba l-ostakli uniċi li persuni b’diżabilità jiffaċċjaw, iżda permezz ta’ PROJECT MOVE, qed jiġu organizzati sensiela ta’ attivitajiet u avvenimenti bil-għan li jippromwovu l-moviment, l-inklużjoni, u l-indipendenza.
Id-Duka ta’ Edinburgh faħħar l-isforzi tal-Kumitat Paraolimpiku Malti u tad-Dar tal-Providenza għall-ħidma tagħhom biex itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità permezz tal-isport. Huwa enfasizza wkoll l-importanza tal-inklużjoni u l-ħolqien ta’ opportunitajiet għal kulħadd sabiex igawdu ħajja attiva u b’saħħitha.
Matul iż-żjara, huma kellhom l-opportunità li jżuru rowing gym, li ġie ffinanzjat mill-Kunsill Malti għall-Għaqdiet Volontarji (MCVS). Din il-faċilità hija miftuħa għall-pubbliku ġenerali, inkluż persuni b’diżabilità, u għandha l-għan li tippromwovi l-inklużjoni permezz tal-isport u l-attività fiżika. Saret ukoll preżentazzjoni ta’ ċertifikati u trofej lil studenti u skejjel li pparteċipaw f’kompetizzjoni nazzjonali li tippromwovi l-inklużjoni. Din il-kompetizzjoni kienet parti minn inizjattiva usa’ li tħeġġeġ il-valuri ta’ ugwaljanza u parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà għal kulħadd. Dan il-proġett sar b’fondi tal-Ismall Initiatives Scheme (SIS) mmexxija mill-MCVS.
Il-Ministru Julia Farrugia fissret l-importanza tal-isport biex aktar persuni b’diżabilità jsegwu stil ta’ ħajja b’saħħtu u indipendenti. “Proġetti bħall-PROJECT MOVE huma eżempju ċar tal-impenn tagħna lejn soċjetà aktar inklużiva u ekwa. Billi nippromwovu l-isport fost individwi ta’ kull abbiltà, qed inkomplu ninvestu f’Malta fejn kulħadd jista’ jgħix ħajja attiva, b’saħħitha u dinjituża. Il-gvern se jkompli jaħdem mill-qrib ma’ għaqdiet bħall-Kumitat Paraolimpiku Malti biex noħolqu aktar opportunitajiet fejn persuni b’diżabilità jkollhom l-appoġġ u r-riżorsi meħtieġa biex ikunu parti integrali mill-komunità sportiva. Għalina, il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni fis-soċjetà mhumiex għażla, iżda dritt fundamentali ta’ kulħadd.”
Min-naħa tiegħu, Fr Martin Micallef qal, “Fid-Dar tal-Providenza, nemmnu bis-sħiħ li kull persuna għandha valur uniku u kapaċitajiet kbar, irrispettivament mid-diżabilità. Proġetti bħal dawn juru b’mod ċar kif individwi b’diżabilità jistgħu mhux biss jipparteċipaw imma wkoll jirnexxu fil-qasam sportiv u fil-ħajja ta’ kuljum. L-isport huwa għodda qawwija biex inbiddlu l-perċezzjonijiet, inrawmu l-inklużjoni, u ngħinu lil kull persuna tgħix b’mod aktar indipendenti. Aħna kburin li qed nagħtu sostenn lil dan il-proġett li qed isaħħaħ ir-rwol attiv ta’ nies b’diżabilità fi ħdan is-soċjetà tagħna.”