Proġett b’sett ta’ erbat iqniepen ġodda u tnejn oħra storiċi rrestawrati fil-Knisja Ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta ġie inawgurat mill-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, l-Erbgħa filgħaxija.
Jirriżulta li ż-żewġt iqniepen, li sarilhom xogħol ta’ restawr bl-appoġġ tal-Gvern, ilhom jintużaw sa minn żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann u issa ngħataw dehra ġdida, waqt li l-proġett, flimkien ma’ oħrajn, kompla jġib din il-Knisja popolari anke mat-turisti fl-aħjar stat tagħha.
ONE News tkellem ma’ Kenneth Cauchi, il-kampanologu, li spjega l-proċess tar-restawr ta’ dawn il-qniepen.
“Ħadna l-karatteristiċi tagħhom tal-vuċi, jiġifieri l-karattru tal-leħen tagħhom, x’inhu u l-qniepen tagħhom ġew iddisinjati, il-forma tagħhom u l-intunata tagħhom, it-tqaxxir minn ġewwa, speċifikament biex jirreplika dawn il-karatteristiċi fil-qniepen l-antiki, però, f’noti magħżulin biex jinħoloq akkordju mużikali.”
Il-Ministru Bartolo spjega x’impatt se jħalli dan ix-xogħol f’din l-industrija, li fl-aħħar żmien ukoll qed jagħti enfażi lill-barranin li jiġu jżuruna speċifikament għall-postijiet reliġjużi u mqades li ngawdu.
“Hawnhekk qed isir investiment fin-niċċa tat-turiżmu reliġjuż, fejn apparti li ħa jgawdu t-turisti, iżda ħa jgawdu wkoll il-familji Maltin u Għawdxin, b’mod partikolari dawk li jiffrekwentaw din iż-żona, għax b’hekk huma jistgħu jgawdu minn dan l-investiment.”
Il-proġett tal-Provinċja Franġiskana ta’ San Pawl Appostlu ra wkoll iż-żieda tal-erbat iqniepen ġodda, li nħadmu minn funderija rinomata Olandiża, li wkoll kienet responsabbli minn dik tal-Katidral ta’ Notre Dame f’Pariġi u anke l-qanpiena Olimpika għall-edizzjoni tal-2012 li kienet saret f’Londra.