Għadhom kemm ġew imħabbra n-nominazzjonijiet tal-MTV Europe Music Awards (EMA) li s-serata finali tagħhom se ssir nhar l-10 ta’ Novembru fil-Co-op Live arena Manchester.
Kif wieħed kien jistenna Taylor Swift għandha l-akbar ammont ta’ nominazzjonijiet f’seba’ kategoriji li jinkludu l-aqwa artist Amerikan, l-aqwa artist, l-aqwa vidjo u l-aqwa kollaborazzjoni kollha frott tal-album li ħarġet aktar kmieni din is-sena ‘The Tortured Poets Department’.
Swift, li għadha kemm ġiet iddikjarata bħala l-aktar mużiċista femminili sinjura fid-dinja minn Forbes, fil-kategorija tal-aqwa artist se tkun qed tikkompeti fost l-oħrajn kontra RAYE, Sabrina Carpenter, Billie Eilish u Chappell Roan, b’din tal-aħħar tirċievi l-ewwel nominazzjoni tagħha.
Għaxra mill-ħdax-il artist bl-akbar ammont ta’ nominazzjonijiet huma nisa fejn wara Taylor Swift insibu lil Billie Eilish, Charli XCX u Sabrina Carpenter b’ħames nominazzjonijiet kull wieħed segwieti minn Beyoncé, LISA, Ayra Starr, Chappell Roan u Tyla b’erba’ nominazzjonijiet.
Skont MTV hemm dsatax-il nominat biċ-ċans li jirbħu l-ewwel EMA inklużi artisti Ingliżi u Irlandiżi bħal Disclosure, Fred Again.., Fontaines DC u The Last Dinner Party.
Is-sena l-oħra din iċ-ċerimonja kienet ġiet ikkanċellata ħmistax qabel is-serata kawża tal-gwerra bejn Iżrael u l-Hamas. Din kienet l-ewwel ċerimonja EMA li ma saritx minn 30 sena li ilha ssir.