Valentina Bezzina ta’ 71 sena, u Jessie Valentino Poquiz, Filippin ta’ 30 sena, li jaħdmu bħala Infermieri, ma nstabux ħatja li kkaġunaw il-mewt lil pazjent fl-Isptar Monte Carmeli bi traskuraġni.
Joseph Attard kien miet fl-2018 wara li tawh numru ta’ fits u ġie rikoverat fl-Isptar Mater Dei. Bezzina u Poquiz kienu fost l-erba’ infermieri f’Monte Carmeli li, matul il-lejl, kienu għassa ma’ Attard.
Fil-Qorti l-Erbgħa filgħodu ntqal kif ma kien hemm l-ebda prova li torbot l-attakki tal-fits mal-mewt tal-pazjent.
Dwar Poquiz, il-Maġistrat Simone Grech qalet li, għalkemm kien inkarigat biex jissorvelja lill-pazjent fuq il-monitors, xorta ma nġiebet l-ebda prova li hu kien responsabbli fil-ħin li Attard beda jħossu ħażin. Żiedet tgħid li, lanqas li kieku, il-pazjent xorta miet fl-Isptar Mater Dei u mhux fejn kien qed jiġi rikoverat.
Kien għalhekk ukoll li l-infermieri nħelsu mill-akkużi kontrihom.
Id-difiża tmexxiet mill-Avukati Edward Gatt u Stephanie Abela.