L-eks plejer tal-futbol Ndubisi Chukunyere nħeles minn kull akkuża li ħebb u kkaġuna ġrieħi gravi lil raġel f’Paceville, wara li ġie konkluż li kienu hu u sieħbu li ġew aggrediti.
Chukunyere kien mixli li, lura fl-2022, kien qal kliem oxxenn fil-pubbliku, insulenta raġel u mara u li kkaġuna ġrieħi ħfief lir-raġel. Intqal li l-eks plejer kien sellem lill-mara, iżda mbagħad ġie raġel li ħebb għalih u għal sieħbu.
Il-mara qalet li hi kienet għaddejja mas-sieħeb tagħha meta Chukunyere għadda kumment sessista u meta marret tgħid lis-sieħeb inqala’ l-argument bejnu u bejn l-akkużat.
Il-Qorti qalet li mhemm ebda dubju li kien l-allegat vittma li aggredixxa lil Chukunyere, tant li dan tal-aħħar qala’ wkoll daqqa ta’ sieq.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li l-pulizija kellhom jużaw il-forza biex irażżnu lill-allegat vittma u lil sħabu, waqt li rrimarkat li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-każ tagħha u għalhekk illiberat lil Chukunyere.