Il-Kelliem Nazzjonalista għal Għawdex, Alex Borg, qajjem rabja fost ir-rappreżentanti tal-Kunsill tar-Rabat Għawdex, li hu mmexxi mill-Partit tiegħu stess, wara li għall-vanaglorja personali, uża l-kwistjoni ta’ gabbana li twaqqfet fil-Wied ta’ Żejta biex jintogħġob.
Meta ddeskriva s-sitwazzjoni bħala spazju ieħor li kien qed jiġi abbużat b’mod skrupoluż, il-Kelliem Nazzjonalista, magħruf ukoll bħala “Mr Facebook” għad-drabi li jispara anke bl-addoċċ fuq il-midja soċjali, ma rrealizzax li kien qed jispara f’saqajh … jew aħjar f’saqajn il-Partit tiegħu stess.
Dan għax jirriżulta lil ONE News li d-deċiżjoni li l-gabbana tintrama b’mod temporanju nhar ta’ Ġimgħa, Sibt u Ħadd fl-istess post ittieħdet mill-istess Kunsill tar-Rabat, Għawdex, b’maġġoranza Nazzjonalista.
Id-deċiżjoni riflessa wkoll fil-minuti tal-laqgħat tal-Kunsill kellha l-kundizzjoni li tali gabbana setgħet tintrama biss fi tmiem il-ġimgħa u wara l-ħamsa ta’ waranofsinhar, waqt li wkoll kellha tiżżarma kuljum. Xi ħaġa li l-operatur privat ma onorax.
Iżda Alex Borg malajr ħareġ jispara għal-likes fuq Facebook u saħansitra bagħat jistaqsi lil diversi ministri tal-Gvern għal spjegazzjoni fit-tentattiv li jikseb ftit punti politiċi.
Minflok, is-Sindku tar-Rabat, Għawdex, Brian Azzopardi, it-Tlieta filgħaxija kiteb fuq Facebook li, wara diskussjoni mal-operatur privat, il-gabbana żżarmat u anke rringrazzja lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, li kien f’kuntatt kontinwu magħhom … u mhux kif għamel il-Kelliem Nazzjonalista għal Għawdex, Alex Borg.