Ġew stabbiliti rekords ġodda fil-konservazzjoni tal-fkieren f’pajjiżna din is-sena fi staġun li rriżulta wieħed rekord b’total ta’ tmin bejtiet wara li dawn il-ħlejjaq protetti telgħu fuq bajjiet prominenti kemm f’Malta u anke f’Għawdex biex jagħmlu l-bajd tagħhom.
Jirriżulta, skont statistika mill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, li b’kollox il-bejtiet wasslu għal total ta’ 594 bajda, li minnhom twieldu 406 ifkieren.
Ingħad li, sfortunatament, waħda mill-bejtiet, is-seba’ waħda, ma rrendietx fkieren ħajjin minħabba fatturi naturali.
Fl-aħħar jiem, l-ERA, flimkien mal-għaqda mhux governattiva Nature Trust Malta, fetħu l-aħħar bejta biex b’hekk wasal fi tmiemu b’suċċess dan l-istaġun.
Fi stqarrija, l-awtorità rringrazzjat lil dawk kollha li kkontribwew għal dan ir-riżultat, inkluż il-pubbliku Malti u Għawdxi li kkoperaw u taw l-appoġġ tagħhom il-ħin kollu.