Dr Maris Camilleri nħatret Aġent Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici.
Dr Camilleri preżentament hija Visiting Research Fellow fl-Università ta’ Essex, l-Ingilterra, wara li ħadmet bħala Lecturer fid-Dipartiment tal-Lingwi u l-Lingwistika tal-istess Università, bħala lecturer tas-sintassi fi Queen Mary University, l-Ingilterra, u bħala casual lecturer fl-Istitut tal-lingwistika tal-Università ta’ Malta.
Hija wettqet ħidma ta’ riċerka fil-qasam lingwistiku fl-Ingilterra, l-Awstrija u Malta, u pprovdiet ukoll servizzi ta’ konsulenza lingwistika liċ-Ċentru tal-Ilsien Malti mill-bidu ta’ din is-sena.
Dr Camilleri għandha wkoll għadd ta’ pubblikazzjonijiet f’ġurnali akkademiċi dwar l-Ilsien Malti.
Hija se tkun qiegħda tidħol fil-kariga ta’ Aġent Kap Eżekuttiv, minflok is-Sinjura Norma Saliba, li irriżenjat mir-rwol tagħha ta’ Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti. Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali se jkun qed jidħol f’konsultazzjonijiet mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.
Il-Ministeru jirringrazzja lis-Sinjura Saliba għall-ħidma tajba immens li wettqet mhux biss biex jitwaqqaf iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, iżda anke biex jitwettqu diversi proġetti u inizjattivi favur il-ħarsien u l-promozzjoni tal-lingwa Maltija, b’mod speċjali fost it-tfal, ix-xandara u l-amministrazzjoni pubblika.