L-Ilsien Malti ġie ddikjarat uffiċjalment nazzjonali 90 sena ilu, biex ħa post it-Taljan, li sa dak iż-żmien f’Malta u Għawdex kien meqjus hu bħala uffiċjali, flimkien mal-Ingliż. Dan l-iżvilupp u r-rikonoxximent għal-lingwa, li kienet ilha sew l-aktar mitkellma fost il-maġġoranza tal-popolazzjoni tagħna minn mijiet ta’ snin qabel, seħħ biss wara l-impenn ta’ diversi persuni matul is-snin, speċjalment fis-Seklu 19 u s-Seklu 20.
Dokumenti li juru dan il-vjaġġ li għaddiet minnu l-lingwa Maltija jinsabu fil-Bibljoteka Nazzjonali fil-Belt Valletta.
Waqt li żorna l-post u tkellimna mal-esperti, stajna naraw b’għajnejna għadd ta’ dokumenti storiċi miġburin f’kollezzjoni nazzjonali, li tinsab ippriservata bl-aħjar mod.
Dwar dawn it-teżori, li jmorru lura għal diversi sekli u jixħtu iżjed dawl fuq il-bidu u l-oriġini tal-lingwa li nitkellmu u kif żviluppat, tkellimna ma’ Michelle Buhagiar, Deputat Librar tal-istess Bibljoteka.
“Ftit tal-ġimgħat ilu, ikkommemorajna d-90 anniversarju minn meta l-Malti sar il-lingwa uffiċjali, flimkien mal-Ingliż, però hu ovvju u kif nafu sew, l-oriġini u l-istorja tal-lingwa Maltija tmur ħafna aktar lura minn hekk. Hawnhekk għażilna numru ta’ dokumenti, kotba u manuskritti, li għandna fil-kollezzjoni tal-Bibljoteka Nazzjonali u li huma importanti f’din il-mixja tal-iżvilupp tal-ilsien Malti.”
Fost l-ewwel referenzi li naraw bil-miktub, insibu li l-eqdem dokument li jsemmi l-Ilsien Malti jmur lura għas-sena 1364 fejn jgħid li l-Patrijiet Benedittini ta’ Katanja ma setgħux jiftħu monasteru f’Malta, għax ma kinux jafu bil-Malti, b’referenzi oħrajn.
F’testment ta’ ċertu Pawlu Peregrino, fl-1436, il-Malti jissejjaħ b’ismu għall-ewwel darba – ‘lingua maltensi’.
Matul iż-żmien, il-lingwa li kienu jitkellmu biha l-Maltin dak iż-żmien kienet deskritta f’diversi modi, fosthom bħala ‘arabica’, ‘moreska’ u ‘melitea’, waqt li manuskritt mis-sena tal-Assedju l-Kbir, fl-1565, tissemma bħala ‘lsien Feniċju’, ‘Għarbi korrott’ jew ‘Għarbi mħassar u mħallat b’Taljan imgerfex’.
Saħansitra jingħad li kien ‘fdal mill-ilsien Puniku Qadim’.
Fl-1804 Kavallier tal-Ordni ta’ San Ġwann jiddeskrivi l-Malti bħala ‘patois’ jew ‘djalett kampanjol’, aktar milli lingwa vera.
Kif inhu diġà magħruf, fl-1450, inkitbet l-eqdem poeżija bil-Malti – ‘Xidew il-Qada’, magħrufa wkoll bħala l-‘Kantilena’, ta’ Pietru Caxaro. Dan ikompli sal-1524, fejn kummissjoni mibgħuta mill-Ordni ta’ San Ġwann biex titkixxef dwar pajjiżna, irrapportat li l-abitanti tal-gżira jitkellmu bil-lingwa ‘Moreska’.
Michelle Buhagiar kompliet tgħidilna li kien hemm diversi vjaġġaturi u studjużi, li ġew f’pajjiżna u tkellmu dwar il-lingwa.
Pereżempju, fil-ktieb ‘L’Isole Più Famose Del Mondo’, li nkiteb fl-1572 minn poeta u storiku Taljan Tommaso Porcacchi, jingħad li l-Malti hu lsien ta’ nisel Kartaġiniż, waqt li ktieb ta’ Giacomo Bosio jtenni l-istess idea.
Hawnhekk naraw kif, waqt it-tqiegħid tal-ewwel ġebla tal-Belt Valletta fl-1566, xi Maltin anzjani nstemgħu jgħidu: ‘Iegi zimen en fel wardia col sceber raba iesue uquie’, jiġifieri ‘Jiġi żmien li fil-Wardija tal-Għolja Sciberras kull xiber raba’ jiswa uqija’.
Tali referenza għall-post riedet tfisser li dak li kien qed jinbena tant kien se jsir prezzjuż u mhux biss bħala fortifikazzjoni kontra l-attakki mill-għadu.
Dokumenti oħrajn importanti huma dawk tal-1672, ‘Mejju ġie bil-Ward u Żahar’, fejn insibu t-tieni l-eqdem poeżija bil-Malti, dik ta’ Gian Francesco Bonamico, u dak miktub f’manuskritti ta’ Patri Ignazio Saverio Mifsud bejn l-1739 u l-1746, li aktarx kienu l-ewwel xogħlijiet ta’ proża bil-Malti li nafu bihom.
Dizzjunarju tal-Malti, li ħadem fuqu Ġan Franġisk Aguis de Soldanis bejn l-1755-59, li sa ftit snin ilu kien baqa’ manuskritt, beda jiġi studjat riċentament, waqt li f’pubblikazzjoni importanti fl-1791 minn Mikiel Anton Vassalli, meqjus bħala missier l-Ilsien Malti, insibu, għall-ewwel darba, alfabett Malti li fih 33 ittra.
Buhagiar semmiet kif l-oriġini tal-lingwa u l-iżvilupp tal-Malti ħa bosta snin, bl-aħħar żewġ sekli fejn ingħata imbottatura qawwija.
“Jieħu spinta ’l quddiem, sakemm imbagħad, fl-1934, ġie rikonoxxut bħala l-lingwa uffiċjali u aktar tard meta ħadna l-indipendenza, il-Malti jsir il-lingwa nazzjonali.”
Kien proprju fl-1920 li twaqqfet l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti bil-ħidma ta’ Ġużè Muscat Azzopardi, Franġisku Saverju Caruana, Dun Karm Psaila, Ninu Cremona u oħrajn, fejn anke ħadmu biex il-Kostituzzjoni l-ġdida tal-1921 tagħti d-dritt lir-rappreżentanti Maltin fis-Senat u l-Kunsill Leġislattiv li jiddibattu bil-Malti, bl-Ingliż jew bit-Taljan.
Sakemm, imbagħad fl-1929, Pietru Pawl Saydon beda t-traduzzjoni monumentali tal-Kotba Mqaddsa mil-Lhudi u l-Grieg, xogħol li kellu jtemmu tletin sena wara, fl-1959.
Sadanittant, fl-1942, Erin Serracino-Inglott, kien beda jikkompila d-dizzjunarju tiegħu li aktar tard kellu jissawwar fil-famuż ‘Il-Miklem’.