Il-Partit Nazzjonalista nsista li ma jagħmilx apoloġija mad-Deputat Laburista Carmelo Abela wara li rikeb u għamel tiegħu l-gidba mill-aktar serja li dan kien involut fl-attentat hold-up fuq il-bank HSBC fl-2010, kif qal l-eks Deputat u avukat ta’ Repubblika, Jason Azzopardi.
Dan meta t-Tnejn tal-ġimgħa l-oħra, il-Qorti ddikjarat f’kawża ta’ libell, li kienet ilha għaddejja tliet snin, li Azzopardi mmonta l-gidba malafamanti fil-konfront ta’ Abela u qal li għadda informazzjoni sensittiva u aċċess fil-bank fejn kien jaħdem lil grupp ta’ kriminali u ta’ dan kellu jirċievi s-somma ta’ €300,000 għal sehemu.
Iżda, minkejja li l-Partit Nazzjonalista għamel tiegħu dan l-attakk faħxi fuq Carmelo Abela, id-Deputat Whip tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, Paula Mifsud Bonnici, ma ħasset lanqas l-imbarazzament ta’ xi ħaġa ħażina u, mal-mikrofonu ta’ ONE, qalet hekk…
Ġurnalist: “Ħa titolbu apoloġija lid-Deputat Laburista Carmelo Abela?”
Mifsud Bonnici: “L-Oppożizzjoni? Għaliex?”
Ġurnalist: “Fuq il-gidba li saret.”
Mifsud Bonnici: “Minn min? Għadni mhux qed nifhem ta. L-Oppożizzjoni x’qalet?”
Ġurnalist: “Ħa titlob apoloġija lid-Deputat Carmelo Abela?”
Mifsud Bonnici: “L-ewwelnett nistqarr ngħid li vera ninsab sorpiża.”
Waqt li pprovat iddawwar id-diskors, Mifsud Bonnici wriet xi skumdità dwar il-gidba tal-Oppożizzjoni.
Ġurnalist: “Staqsejtek fuq xi ħaġa oħra.”
Mifsud Bonnici: “Ma jimpurtax, għandek dritt li ssemmi, imma ma nafx kif daħlet hawnhekk l-Oppożizzjoni.”
Dan ma kienx l-uniku episodju fejn l-Oppożizzjoni Nazzjonalista nqabdet ma tafx x’se tagħmel wara li l-Qorti kkundannat lil Azzopardi anke jħallas id-danni fl-ammont ta’ €7,000 lill-istess Abela dwar din l-aħħar gidba tiegħu.
Ftit tal-jiem ilu, il-Kap Nazzjonalista nnifsu wkoll ipprova jitfa’ l-każ taħt it-tapit u naqas milli jikkommetti li jagħmel apoloġija u jmur kontra wieħed mill-esponenti tal-establishment Nazzjonalista, li wkoll poġġih fil-kariga li ilu jokkupa għal dawn l-aħħar erba’ snin.
Grech: “Wara li dak il-każ jitlesta, imbagħad, wieħed jara.”
Ġurnalist: “Jiġifieri ħa titlob apoloġija dakinhar?”
Grech: “Wieħed jara minn dik id-direzzjoni.”
Dwar Azzopardi, Bernard Grech kien saħansitra sejjaħlu bħala riżorsa għall-Partit u għall-pajjiż.
“Jien naħseb li hu riżorsa għall-pajjiż. Jason Azzopardi kien Deputat, kien Ministru ta’ Gvern Nazzjonalista wkoll. Kien riżorsa u asset għall-pajjiż u għall-partit u naħseb li għadu riżorsa għall-pajjiż.”