Matul il-jum tat-Tnejn, bliet madwar l-Ewropa kellhom attivitajiet biex jikkommemoraw lil aktar minn 1,200 Iżraeljan li kienu maqtula s-sena l-oħra fis-7 t’Ottubru kif ukoll lil dawk kollha li kienu maħtufa bħala ostaġġi.
F’Amsterdam waqt li kien qed isir marċ ta’ protesta b’appoġġ għall-Palestina, il-pulizija attakkat grupp ta’ dimostranti. Id-dimostrazzjoni kienet qed issir f’Damrak u l-pulizija pprovat twaqqaf lid-dimostranti milli javviċinaw l-famuża Dam Square fejn użaw lembubi biex iferrqu l-folla.
Intant f’Berlin saret kommemorazzjoni fis-sinagoga Chabad fejn kien hemm preżenti wħud minn dawk il-Lhud li salvaw mill-attakki, filwaqt li fakkru lil dawk li kienu maqtula u talbu biex jibqgħu jsiru sforzi biex jinħelsu l-kumplament tal-ostaġġi.
Il-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni attendiet ċerimonja fis-sinagoga prinċipali ta’ Ruma fejn tkellmet dwar id-dritt li Iżrael jiddefendi ruħu u li jgħix bla periklu fil-konfini ta’ pajjiżu.
Fi Franza attivisti tal-assoċjazzjoni ‘Tous 7 Octobre’ dendlu ritratti tal-ostaġġi tal-Hamas madwar it-toroq ta’ Pariġi bil-President tal-assoċjazzjoni jgħid li hu importanti li l-ostaġġi jibqgħu jitfakkru biex ma jintesewx.
Fir-Renju Unit, il-Prim Ministru Keir Starmer qal li filwaqt li jappoġġja d-dritt li Iżrael jiddefendi lilu nnifsu, però ma kinitx teżisti soluzzjoni militari għal din il-kriżi u appella għal kulħadd biex iżommu lura.
F’Iżrael qraba ta’ dawk maqtula u meħuda ostaġġi ltaqgħu fuq is-sit li sar l-attakk nhar is-7 t’Ottubru. Filwaqt li f’idejhom kellhom ritratti tal-maħbubin tagħhom indaqqet l-aħħar diska li kienet instemgħet fil-festival meta sar l-attakk u l-President Iżraeljan żamm minuta silenzju eżatt fis-6:29 il-mument li beda l-attakk.
Il-Prim Ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu żar il-mafkar li jikkommemora l-vittmi tal-Hamas f’Ġerusalem u xegħel xemgħa biex ifakkar il-vittmi u l-ostaġġi.
Fl-akbar park ta’ Tel Aviv, Iżraeljani nġabru għall-attività immirata lejn il-familji tal-vittmi u l-milquta li serviet bħala alternattiva għaċ-ċerimonja uffiċjali tal-gvern. Matulha bosta kantanti popolari Iżraeljani taw wirjiet emozzjonali filwaqt li ritratti tal-vittmi kienu murija fuq l-iskrins.
Erbgħa u disgħin minn total ta’ 251 ostaġġ għadhom miżmuma priġunieri f’Gaza.