L-għada, li ħabbar kif avviż legali se jkun qiegħed jagħmilha obbligatorja li pagi jiddaħħlu direttament fil-kont bankarju tal-ħaddiema u ma jibqgħux isiru iżjed bi flus kontanti, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li din ir-riforma għandha għan wieħed, dik li ssaħħaħ il-qagħda tal-pagi tal-ħaddiema.
Dan qalu waqt li kien qed jiġi mistoqsi mill-ġurnalisti dwar ir-reazzjoni ta’ bosta għal din ir-riforma, fejn uħud taw x’jifhmu li, f’każ ta’ servizzi, wieħed ma jistax iħallas aktar bi flus kontanti jew b’cards bħal Revolut.
“Kien hemm spin li nifhem minn fejn ġiet, nifhem li kien hemm sfumaturi min-naħa ta’ nies li jappartjenu lill-Oppożizzjoni li pprovaw jagħtu l-interpretazzjonijiet tagħhom differenti. Dik ir-riforma se ssir għal għan wieħed, biex insaħħu l-qagħda tal-pagi tal-Għawdxin u l-Maltin.”
Il-Prim Ministru saħaq kif kien hemm min qiegħed iħaddem ħaddiema barranin u jagħtihom paga inqas milli suppost, ħaġa li wasslet biex min iħaddem iqabbad miegħu barranin u mhux Maltin jew Għawdxin u, għalhekk, din se tara issa li jissaħħu l-pagi.
Hawnhekk kellu messaġġ ta’ serħan il-moħħ lill-ħaddiema
“Nagħti serħan il-moħħ sħiħ lil min jista’ jkun qiegħed f’dawn is-sitwazzjonijiet li mhu se jinbidel xejn, ħlief li tiżdied il-protezzjoni tal-pagi tal-ħaddiem. Lil min ipprova jivventila xi argument li se nagħmlu xi witch hunt kontra n-negozji, gidba oħra. Din il-miżura hi biss intiża biex insaħħu l-protezzjoni tal-ħaddiema.”
Dr Abela tenna li kull ħaddiem irid jitħalla jingħata l-paga fis-sħiħ, li bil-liġi hi dovuta lilu.