Id-Duka u d-Dukessa ta’ Edinburgh, il-Prinċep Edward u martu Sophie jinsabu f’pajjiżna bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni tas-60 anniversarju mindu Malta saret indipendenti mill-Ingliżi fl-1964.
Il-Prinċep Edward huwa ħu r-Re Karlu III u l-iżgħar wild tar-Reġina Eliżabetta II u l-Prinċep Filippu.
It-Tnejn wara nofshinar huma ltaqgħu mal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u żewġha Dr Anthony Spiteri Debono fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta.
Kien hawn li d-Duka stqarr mal-President li hu u martu jinsabu ferħanin li għal darb’oħra jinsabu f’Malta.
Wara li ħadu r-ritratt uffiċjali, id-delegazzjoni Maltija u dik Brittanika għal xi ħin kellhom dikussjoni fil-privat.
Wara d-Duka u d-Dukessa ffirmaw l-ktieb tal-viżitaturi u minn hemm ingħataw informazjoni storika fuq il-Palazz tal-Gran Mastru minn rappreżentat ta’ Heritage Malta.
Wara, il-koppja rjali qabdu t-triq lejn il-Berġa ta’ Kastilja fejn hemmek iltaqgħu mal-Prim Ministru Robert Abela u martu Dr Lydia Abela. Hawnhekk sabu folla ta’ nies, fosthom Brittaniċi, tistennihom li laqgħuhom biċ-ċapċip.
Dan l-istazzjon jinsab infurmat li f’dawn il-jiem li għandhom f’Malta sal-10 ta’ Ottubru, d-Duka se jżur d-dar fi Gwardamanġa fejn kienu jgħixu ommu u missieru bejn l-1949 u l-1951.
Ta’ min ifakkar kif ir-Reġina Eliżabbetta, li mietet sentejn ilu, għal aktar minn darba ddeskriviet iż-żmien li qattgħet hawn f’Malta, fosthom bħala Prinċipessa, bħala l-isbaħ żmien ta’ ħajjitha.