Permezz ta’ avviż legali, ġie pprojbit il-bejgħ u l-konsum ta’ prodotti tal-HHC jew sustanzi li joħorġu minnha.
L-HHC hi sustanza semi-sintetika li tintuża biex tissimilizza l-effett tat-THC li jinstab fil-kannabis, b’hekk l-HHC m’għandux x’jaqsam mal-kannabis.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif l-HHC ma kienx regolat bil-liġi u b’hekk kien qed ikun hemm abbuż anke fejn jidħol ippakkeġġjar bi ftit informazzjoni.
Intqal kif irriżulta li fis-suq kienu qed jinbiegħu għadd ta’ prodotti reklamati b’mod qarrieq biex jiġbdu b’mod partikolari l-għajn tal-minuri f’ħelu bħal lolipops kif ukoll vapes.
Din il-projbizzjoni saret wara konsultazzjoni ma’ esperti fil-qasam fid-dawl li dawn il-prodotti kienu qed jiġu ppakkeġġjati għal minuri.
Għaldaqstant dan l-avviż legali se jkun qiegħed jipprojbixxi l-konsum ta’ dawn il-prodotti b’risq is-saħħa pubblika.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, Joey Reno Vella, spjega kif dawn il-prodotti ma jaffettwawx dawk li jkunu mibjugħin mill-assoċjazzjonijiet liċenzjati, li joperaw taħt qafas legali strinġenti.
Qal, “Il-prodotti tal-HHC li konna qegħdin naraw jinbiegħu fil-ħwienet kummerċjali qatt ma kienu jinbiegħu jew jitqassmu min-naħa tal-assoċjazzjonijiet li huma liċenzjati min-naħa tal-ARUC. Anzi saħansitra l-assoċjazzjonijiet li huma liċenzjati mill-ARUC għandhom joperaw f’qafas leġiżlattiv b’regolamenti strinġenti purament u speċjalment biex jipproteġu anke lit-tfal u lill-minuri.”
Intqal ukoll kif prodotti li diġà huma fis-suq se jiġu kkonfiskati.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-riformi, Rebecca Buttigieg, innotat l-importanza ta’ din il-projbizzjoni bil-għan li tkompli tkun imħarsa s-saħħa pubblika u tibqa’ tiġi rispettata l-liġi li ddikriminalizzat l-użu responsabbli tal-kannabis.
Qalet, “Fl-aħħar mill-aħħar l-għan ewlieni tar-riforma għall-użu responsabbli tal-kannabis kienet li nipproteġu lill-individwu u dak li qed nagħmlu b’din l-emenda legali l-HHC hu sustanza perikoluża ħafna u, għaldaqstant, ħassejna l-ħtieġa li dawn il-prodotti jiġu pprojbiti anke biex nissalvagwardjaw is-saħħa tat-tfal.”