Kien is-7 t’Ottubru 2023 meta għexieren ta’ residenti ġew maqtula f’attakk mhux mistenni fuq Iżrael mill-Hamas.
Dakinhar, skont figuri maħruġa minn Iżrael, l-attakki tal-Hamas qatlu 1,200 persuna u aktar minn 250 ittieħdu bħala ostaġġi.
Dan kien il-bidu ta’ gwerra li pprovokat offensiva minn Iżrael lejn Gaza, li bħalissa tinsab f’ħerba sħiħa, u skont l-Awtorità tas-Saħħa tal-Palestina, nqatlu madwar 42,000 persuna.
F’dawn l-aħħar jiem jidher li din il-gwerra qed tkompli teskala u proprju lejliet dan l-anniversarju, il-ġlied kompla jintensifika b’missili tal-Hezbollah jintefgħu fit-tielet l-akbar belt ta’ Iżrael, Haifa, u Iżrael jirritalja b’bumbardament qawwi f’Bejrut.
Il-Ministru tad-Difiża Iżraeljan iddikjara li kull miżura tista’ tittieħed sabiex jirrispondu lill-għadu tagħhom Iran.
Il-midja ta’ Iżrael irrappurtat 10 persuni midruba fl-attakk li sar il-Ħadd fuq Haifa u l-belt ta’ Tiberias. Il-Hezbollah qalet li kienu tefgħu sensiela ta’ missili lejn is-sit militari fin-nofsinhar ta’ Haifa. Min-naħa tagħhom Iżrael irrispondew b’attakki mill-ajru lejn in-nofsinhar ta’ Bejrut, bl-aktar attakk intensiv fuq il-kapitali tal-Libanu minn meta Iżrael eskala l-kampanja tiegħu kontra l-Hezbollah xahar ilu.
Il-militar ta’ Iżrael qal li l-mira tal-ajruplani tal-gwerra f’Bejrut kienu l-kwartieri ġenerali tal-intelliġenza tal-Hezbollah kif ukoll il-faċilità tal-ħażna tal-armi.
Lejliet is-sena anniversarju mill-bidu tal-ġlied saru bosta protesti madwar id-dinja minn dimostranti favur il-Palestina kif ukoll dimostrazzjonijiet fi bliet kapitali ewlenien Ewropej u anka f’Washington u New York.
Filwaqt li l-Istati Uniti iddikjarat li ma kinitx se tappoġġja miri fuq siti nukleari tal-Iran, il-President Joe Biden il-ġimgħa l-oħra qal li attakki mill-Iżrael fuq il-faċilitajiet taż-żejt tal-Iran kienu qed jiġu diskussi.
Il-Prim Ministru Robert Abela fuq X kiteb li sena mill-attakki orribbli tal-Hamas, pajjiżna jibqa’ jisħaq kontra t-terroriżmu.
Dr Abela tenna li l-vjolenza minn kwalunkwe parti tkompli żżid il-kriżi umanitarja u tbiegħed il-paċi.
Il-Prim Ministru temm jgħid li Malta dejjem se tippromwovi trażżin u djalogu sabiex tipproteġi l-ħajja ta’ kulħadd.