Il-Parlament reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku fl-okkażjoni tan-Notte Bianca, li saret ilbieraħ.
Il-binja tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż laqgħet fiha numru ta’ viżitaturi, kemm Maltin u anki turisti, li kollha kellhom l-opportunità li jaraw il-binja minn ġewwa inkluż partijiet li normalment ma jkunux miftuħin għall-pubbliku, bħall-uffiċċji tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni, kif ukoll iżuru l-kmamar fejn fihom jiltaqgħu l-kumitati parlamentari u jaraw is-Sala tal-Parlament.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia kif ukoll il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia u l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, kienu preżenti għal xi ħin fejn kellhom l-opportunità jitkellmu ma’ dawk li żaru l-binja f’din l-okkażjoni dwar il-ħidma li ssir mill-Parlamentari.
Ħaddiema tal-Parlament kienu preżenti sabiex jilqgħu lill-pubbliku u jispjegaw diversi aspetti tal-proċeduri Parlamentari.
Intant, fid-daħla tal-Parlament il-pubbliku kellu wkoll l-opportunità li jara l-wirja mtellgħa mill-Għaqda Każini tal-Banda, bl-isem ‘Puccini l-Fotografu’, bħala parti mill-attivitajiet li qegħdin jittellgħu fl-okkażjoni tal-mitt sena mill-mewt tiegħu.